Il-militanti tal-ISIS ippubblikaw ritratti ta’ dik li tidher li hi l-qerda tat-Tempju ta’ Baalshamin fil-fdalijiet antiki ta’ Palmyra, fis-Sirja.
Ir-ritratti juru lill-militanti qed iqiegħdu l-isplussivi fl-inħawi tat-tempju, u ritratt li qed jiċċirkolaw is-sostenituri tal-ISIS jindika l-effetti ta’ splużjoni kbira. Ritratt ieħor juri munzelli ta’ radam fis-sit tat-tempju proprju.
Uffiċjali u attivisti Sirjani, jiem ilu, qalu li l-ISIS kienu splodew it-tempju ta’ Palmyra, u kelliema għall-UNESCO, l-organizzazzjoni kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti, fissru l-qerda sfaċċata tal-wirt kulturali tas-Sirja bħala delitt tal-gwerra.
Id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, akkużat lill-ISIS b’attentat intiż li jċaħħad lill-poplu Sirjan mill-istorja u l-identità tiegħu.
It-Tempju ta’ Baalshamin inbena kważi 2,000 sena ilu u kien ikkunsidrat it-tieni l-aktar struttura importanti fil-belt ta’ Palmyra li kienet waħda mill-aktar ċentri kulturali importanti tad-dinja antika.
//= $special ?>