Il-pulizija fil-Ġermanja qalu li sala tal-isport fi skola li kienet intenzjonata bħala xelter temporanju għar-refuġjati li qed ifittxu kenn politiku, inqerdet minħabba n-nirien waqt azzjoni suspettata bħala attakk premeditat.
L-investigaturi jemmnu li n-nirien li qabdu f’Nauen, fil-Punent ta’ Berlin, kienu parti minn pjan speċifiku. Ħadd ma weġġa’ fl-inċident iżda hu magħruf li d-dimostranti estremisti tal-Lemin qed imexxu dimostrazzjonijiet kontra l-barranin fl-inħawi li qed jippruvaw jiksbu kenn politiku.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, aktar qabel ikkundannat il-protesti vjolenti li seħħew fi tmiem il-ġimgħa f’xelter għar-refuġjati fil-belt ta’ Heidenau, qrib Dresden. Għexieren ta’ pulizija kienu sfaw midruba f’dawk l-inċidenti.
Merkel fissret l-aġir tad-dimostranti estremisti f’Heidenau bħala wieħed ta’ għajb u qalet li se żżur din il-belt proprju għada.
//= $special ?>