Xogħol li qed ikun allegat li sar minn fondi pubbliċi għall-voti kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Construction and Maintenance Unit (CMU) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Dan ħareġ minn xhieda li ngħatat fil-Qorti ta’ Għawdex, hekk kif kompla jinstema’ l-każ ta’ Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, li kien imexxi s-CMU u li qed ikun akkużat li ta struzzjonijiet biex isir xogħol f’postijiet privati minn ħaddiema tal-Ministeru.
Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, jirriżulta li postijiet li Debono qed jiġi akkużat dwarhom, filfatt jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Unit. Fost dawn hemm xogħlijiet li saru fil-ground tal-futbol tal-Għarb u anke diversi toroq qalb l-għelieqi.
Dan ġie kkonfermat minn George Pace, impjegat li ilu għal aktar minn 20 sena Skrivat tas-CMU, meta kien qed jiġi mistoqsi mid-Difiża ta’ Debono, li qed titmexxa mill-Avukat Joe Giglio.
Fix-xhieda tiegħu, Pace kompla li d-Dipartiment għamel ukoll xogħlijiet għal numru ta’ għaqdiet non-governattivi u anke għal żewġ teatri fir-Rabat Għawdex. Qal li kien hemm ukoll fond apposta ddedikat biex ikunu mtejba toroq li jagħtu għall-irziezet u l-faċilitajiet sportivi.
//= $special ?>

