Il-Liġi kontroversjali li permezz tagħha l-bini f’żoni ta’ sptarijiet mhux se jkun suġġett għall-Environmental Impact Assessment (EIA), u allura l-approvazzjoni tal-MEPA, sabet l-oġġezzjoni u l-kritika ta’ Espert tal-Ippjanar li tkellem mal-ġurnal The Times.
Filwaqt li kkummenta li din l-eżenzjoni tmur anke kontra l-Liġijiet Ewropej, l-Espert tal-Ippjanar kien ikkwotat li l-iskop u l-prinċipju tal-EIA hu li ssir analiżi ta’ kull proġett li jista’ jkollu impatt ambjentali.
Quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tressqu numru ta’ każi li jallegaw ksur ta’ din id-Direttiva. Jirriżulta li kien hemm diversi każi li fihom il-Qorti Ewropea ħadet azzjonijiet qawwija fil-konfront ta’ pajjiżi membri li ma jimxux skont dawn ir-regoli.
F’diversi każi, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sostniet li ma jistax ikun hemm eżenzjoni awtomatika mill-EIA, anke minn proġetti li ma jkunux meħtieġa għax jirrikejdu biss nofitifkazzjoni sempliċi, bħal fil-każ li issa ġew fih l-Isptarijiet.
B’riżultat ta’ din id-deċiżjoni, il-Gvern jista jkun f’konflitt mad-Direttivi Ewropej, iżda fid-difiża tiegħu, il-Gvern qed isostni li l-bini ta’ ajruporti u stazzjonijiet militari jirrikjedu biss notifika sempliċi. Dawn l-emendi ġodda u kontroversjali tħabbru lejliet Santa Marija li għaddiet, pemezz ta’ Avviż Legali.
Immedjatament, il-proposti tal-Gvern ġabu reazzjoni fil-kuntest tad-diskussjonijiet li l-Gvern għaddej bihom ma’ investituri minn Singapore għall-bini ta’ faċilitajiet mediċi f’San Luqa u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Inizjalment, il-Gvern qal li dawn il-proposti se jkunu attwati wara konsultazzjoni mal-MEPA, iżda wara biss ġimgħa, kelliem għall-Gvern ikkoreġa d-dikjarazzjoni billi qal li r-referenza għall-konsultazzjoni tal-MEPA tneħħiet.
//= $special ?>

