In-Nazzjon titkellem dwar rapport intern jikkonferma li l-Gvern falla fil-qasam tas-saħħa. L-Oppożizzjoni żvelat id-dettalji li joħorġu minn dan ir-rapport li għadu kif sar u li jkopri l-ewwel nofs ta’ din is-sena. Fi storja oħra dan il-ġurnal jitkellem dwar l-early retirement ta’ Michael Falzon li tfisser li sa Ġunju tal-2018 dan se jkun qed jieħu €1,250 fil-ġimgħa. Ritratt ieħor juri li se jkun ippublikat l-ewwel dizzjunarju Malti li sar 250 sena ilu.
The Malta Independent tgħid li l-maġġoranza tal-istudenti fl-università tal-Ġordaniżi se jkunu musulmani u għalhekk l-istudju għall-impatt soċjali qed jisħaq li tinbena moskea oħra fiż-Żonqor. Storja oħra titkellem dwar kif hemm indikazzjonijiet li l-pazjenti diabetiċi mistennija li jiżdiedu. Ritratt fil-faċċata juri wkoll id-duo Air Supply li jinsabu Malta sabiex jagħtu kunċert.
The Times of Malta titkellem dwar kif Malti evita l-inċident tal-airshow f’Shoreham fl-Ingilterra wara li ħa żball fi triq. Storja oħra titkellem dwar kif il-liġi li teżenta lill-gvern milli jagħmel studju ambjentali f’każ ta’ bini f’artijiet tal-isptar tista’ twassal għal inkwiet mal-Kummissjoni Ewropea.
Maltatoday fil-faċċata tagħha titkellem dwar kif b’liġi ġdida li mistennija tgħaddi dalwaqt se jkun jista’ jsir żvilupp fuq art li tkun propjetà ta’ ħaddieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ permess mis-sid. Storja oħra titkellem ukoll dwar il-Malti arrestat fil-Libja.
L-Orizzont, bl-istorja prinċipali tagħha titkellem dwar il-Knisja b’ reazzjoni anke għal mod kif qed imexxi l-Arċisqof. L-Orizzont tgħid li l-Arċisqof Scicluna qed jipprova jintgħoġob ma’ ċerta sezzjoni ta’ nies u tal-kleru b’titli bħal arċipretali u bażilika fl-istorja hemm ukoll il-kummenti ta’ Fr.Rene Camilleri. Storja oħra takkuża lill-Partit Nazzjonalista b’tixwix għax il-membru Parlamentari Ewropew għamel mistoqsija Parlamentari fil-Parlament Ewropew dwar il-garanzija bankarja li ta l-Gvern lill-Electrogas. Insibu wkoll ritratt b’bastiment li kien fil-port fl-aħħar jiem.
//= $special ?>
