Ambjent Lokali

BirdLife Malta ma taqbilx li l-Wild Birds Regulation Unit tkun responsabbli mill-infurzar tar-regolamenti tal-kaċċa

BirdLife Malta pprotestat għall-fatt li l-Wild Birds Regulation Unit se jkun responsabbli mill-infurzar tar-regolamenti tal-kaċċa minflok il-MEPA u l-Pulizija, filwaqt li ddikjarat li lesta tieħu lill-Gvern quddiem il-Qrati jekk ma jkunx irtirat l-Avviż Legali li ħareġ il-Gvern.

Il-pożizzjoni ta’ BirdLife Malta tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru għall-Ambjent f’Santa Venera, fejn l-Uffiċjali ta’ BirdLife Malta sostnew li l-ħtif tal-poter mill-Wild Birds Regulation Unit hu qarrieqi u irregolari.

Filwaqt li talbet għar-riżenja tal-Uffiċjal Eżekuttiv tal-Wild Birds Regulation Unit Sergei Golovkin, BirdLife Malta sosniet li sa mill-bidu tagħha l-Wild Birds Regulation Unit illaxkat il-leġislazzjoni favur il-kaċċaturi u n-nassaba, filwaqt li ddekriminizzat l-użu tal-bird callers u fetħet l-istaġun għall-insib għall-għasafar tal-għana.

L-uffiċjali ta’ BirdLife esprimew it-tħassib ukoll dwar il-mod kif il-Wild Birds Regulation Unit għamlet attentat biex tilleġiżla l-għoti ta’ aktar poter lilha nnfisha mingħajr l-ebda forma ta’ konsultazzjoni.