Lokali

Filmat: Is-silenzju ta’ Muscat dwar l-iskandlu tal-Visas iqajjem ħafna mistoqsijiet – il-PN

Minkejja li għaddiet aktar minn ġimgħa minn meta l-eks Teżorier tal-Partit Laburista tressaq il-Qorti akkużat bi frodi, ħasil ta’ flus, falsifikazzjoni ta’ firem u dokumenti, kif ukoll miżappropjazzjoni ta’ flus, li allegatament wassal għall-ħruġ ta’ mijiet jekk mhux eluf ta’ Visas u Permessi ta’ Residenza illegali, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħżel li, minflok iserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi, jipprova jaħbi dan l-iskandlu.

Fi stqarrija, il-PN qal li dan l-iskandlu ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata jżid mal-lista ta’ skandli preċedenti, fosthom tal-miljuni mogħtija lil Gaffarena, il-miljuni mogħtija lil tal-Cafe’ Premier u l-miljuni mogħtija lill-Partit Laburista b’Australia Hall. Sitt ijiem wara li dan l-iskandlu ġie żvelat fil-Qorti, il-Prim Ministru għadu ma serraħx moħħ il-poplu Malti u Għawdxi dwar jekk ittieħdux passi biex jiġu rtirati l-Visas li allegatament ingħataw b’mod illegali.

Lanqas ma jrid jgħid jekk ittieħdux passi biex jiġu rtirati l-Permessi ta’ Residenza li allegatament ingħataw b’mod illegali u jekk ittieħdux passi biex jiġu identifikati l-persuni li allegetament qegħdin f’pajjiżna b’mod illegali. Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat għadu lanqas ma ħatar inkjesta sabiex tinvestiga kemm il-korruzzjoni ħakmet l-istituzzjonijiet differenti li kellhom sehem fl-iskandlu, kif ukoll lanqas ma ħa l-ebda passi biex jinstab min kien responsabbli.