Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-interess nazzjonali

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

La darba l-Prim Ministru Joseph Muscat poġġa l-interess personali tiegħu quddiem l-interess nazzjonali u tefa’ piż kolossali fuq il-poplu Malti u Għawdxi, se jkun il-Partit Nazzjonalista li jiddefendi l-interessi tal-familji Maltin u Għawdxin.

Dan se jagħmlu kemm fil-Parlament Malti, kif ukoll fil-Parlament Ewropew, u mhu se jħalli lil xejn u lil ħadd iwaqqfu jew ibeżżgħu milli jagħmel dan.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sostna li jeħtieġ li l-Prim Ministru Muscat jifhem li l-interess personali tiegħu mhuwiex l-interess nazzjonali. Barra minhekk, jiżbalja l-Prim Ministru jekk jaħseb li tant sar potenti li kulmin ma jaqbilx miegħu, ikun qed imur kontra l-interess nazzjonali.

Id-deċiżjoni li l-Gvern Laburista jgħabbi piż ta’ €2,500 fuq kull familja biex jibni Power Station mhijiex deċiżjoni fl-interess nazzjonali, iżda deċiżjoni fl-interess personali ta’ Muscat biex isalva ġildu. Għalhekk, din hi deċiżjoni żbaljata u irresponsabbli.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx magħha u se jibqa’ jiddefendi l-interess nazzjonali.