Internazzjonali

Jinstabu l-katavri ta’ 50 immigrant fil-Mediterran

Il-vapur Żvediż ‘Poseidon’ qed ibaħħar lejn Sqallija bil-katavri ta’ 50 immigrant. Dawn instabu fuq lanċa hekk kif kienu salvati 430 persuna waqt ħidma tal-Frontex.

Din kienet waħda minn għaxra missjonijiet ta’ salvataġġ li twettqu l-Erbgħa fil-Mediterran.

Sadattant hekk kif eluf ta’ immigranti qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera tal-Ungerija mas-Serbja, il-Pulizija Ungeriża kellha tispara l-gass tad-dmugħ biex tipprova tikkontrolla s-sitwazzjoni
l-Gvern Ungeriż fassal pjani biex isaħħaħ aktar il-fruntiera, b’mod partikulari bil-preżenza ta’ membri tal-Pulizija imma possibbilment b’membri tal-Armata wkoll. Dan hekk kif qed jgħaddu numru rekord ta’ immigranti.

In-Nazzjonijiet Uniti kkalkulat li bħala medja, qed jaqsmu mill-Greċja lejn il-Maċedonja madwar 3,000 persuna kuljum bil-għan li jmorru l-Ungerija, u m’hemmx indikazzjoni li dan il-fenomenu se jbatti.
F’Lulju biss, mal-50,000 Sirjan daħlu fil-Greċja, u dan mingħajr ma wieħed jgħodd nies minn pajjiżi oħra.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm mewġa ta’ immigranti, ħafna mis-Sirja imma wkoll mill-Afganistan u l-Pakistan, li qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Ungerija, qabel ma jintemm ix-xogħol fuq ħajt li qed jinbena tul il-fruntiera mas-Serbja. Dan il-ħajt qed jinbena biex iwaqqaf lill-immigranti irregolari u mistenni jitlesta f’Novembru.