Lokali

Jirriżenja l-Maġistrat Carol Peralta

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ħabbar fi stqarrija li ġie infurmat li l-Maġistrat Carol Peralta ssottometta r-riżenja tiegħu lill-President ta’ Malta.

Il-Gvern ippubblika l-ittra ta’ riżenja tal-Maġistrat li kopja tagħha ntbagħtet ukoll mill-Maġistrat Peralta lid-Direttur Ġenerali tal-Qorti. Il-Gvern qal li r-riżenja qed tapplika b’effett immedjat.

Fl-ittra tiegħu, iżda, il-Maġistrat Peralta ma jsemmix riżenji. Jinforma lill-President li ddeċieda li jirtira, kif għandu l-jedd li jagħmel. Ikompli li dan qed jagħmlu wara riflessjoni fonda u trankwilla, u li d-deċiżjoni ħadha wara dawk li ddeskrivihom bħala ‘numerużi diżappunti u diżillużjonijiet’ fuq livell nazzjonali.

Madanakollu, ikompli Peralta fl-ittra tar-riżenja, iħares lura b’sodisfazzjon lejn id-diversi ħatriet tiegħu fl-ogħla postijiet ġuridiċi f’pajjiżi oħra u f’istituzzjonijiet internazzjonali.

Peralta, li għandu 63 sena, kien sentejn ’il bogħod mill-età massima tal-irtirar għall-membri tal-Ġudikatura. Hu kien l-aktar membru anzjan tal-Ġudikatura b’24 sena esperjenza.

L-aħħar każ kontroversjali li kien involut fih kien dak tal-2013 meta organizza festin tal-Milied fl-awla tiegħu fil-Qorti u ordna l-arrest ta’ ġurnalist li kixef l-istorja. Fl-1990 u fl-1994 tressqu żewġ mozzjonijiet ta’ impeachment kontrih imma t-tnejn m’għaddewx.

Fl-imgħoddi serva f’karigi ġuridiċi b’rabta mal-Kosovo u anke mal-Bożnija-Ħerzegovina.

Agħfas hawn biex taqra l-ittra ta’ riżenja li Carol Peralta bagħat lill-President ta’ Malta