Id-demotivazzjoni u l-inċertezza fost l-impjegati tal-Bank of Valletta, li kienet ħadet daqqa akbar bis-somma ta’ €260,000 li l-Bank of Valletta ħallas lil Michael Falzon u li tfisser €1,250 fil-gimgha, kompliet tizdied u teskala hekk kif l-impjegati qed ikomplu jaraw l-istrutturi li nbnew matul is-snin fil-Bank ikomplu jiġu żarmati permezz ta’ deċiżjonijiet partiġġjani meħuda miċ-Chairman tal-Bank, John Cassar White.
Bla dubju li fost l-aktar każ li spikkaw f’dawn l-aħħar ġimgħat kien il-każ ta’ early retirement tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Storja li ppubblikat il-gazzetta In-Nazzjon tispjega kif hemm mod ieħor ta’ kif wieħed jista’ jħares lejn il-pakkett ta’ €260,000 li l-Bank of Valletta ħallas lil Michael Falzon.
Is-Segretarju Parlamentari qed idaħħal €1,250 fil-ġimgħa għal erba’ snin sa Ġunju 2018.
Sorsi li tkellmu mal-gazzetta fissru wkoll li l-mod kif inħadem il-pakkett ta’ €260,000 li ngħata Michael Falzon jiżgura li hu jdaħħal l-ekwivalenti ta’ €1,250 fil-ġimgħa għal kull ġimgħa li dan ma jkunx il-Bank sa Ġunju 2018.
Huwa għalhekk li hu għandu inċentiv sabiex jibqa’ membru tal-Kabinett kemm jista’ jkun fit-tul għaliex inkella, jekk jirritorna lura l-Bank kif żamm id-dritt li jagħmel sa Ġunju 2018, ikollu jħallas lura €1,250 li ħa bil-quddiem għal kull ġimgħa li jkun baqa’ sa Ġunju 2018.
Hu f’dan l-isfond li ħafna qed jistaqsu kemm jagħmel sens li arranġament bħal dan jiġi klassifikat bħala ‘termination benefit’ li fuqu ma titħallasx taxxa.
Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon sostnew li t-tmexxija tal-Bank illum hi waħda fejn tal-qalba qed ikomplu jiffangaw filwaqt li l-kumplament tal-ħaddiema huma diżillużi u urtati bil-mod kif qed jitmexxa l-Bank.
In-Nazzjon zvelat ezercizzju iehor maħdum bizzilla u ghal tal-qalba fi proċess biex jinħatar Change Management Executive li tfisser minn hafna impjegati bhala wieħed finta peress li diġà kien hemm persuna magħżula b’parantela fil-Bank of Valletta li kien jaħdem ma’ bank ieħor f’livell ta’ middle management.
In-Nazzjon zvelat li dan il-proċess, li dam sejjer erba’ xhur, issa ġie fi tmiemu u f’ċirkulari bid-data tad-9 ta’ Lulju, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank, Mario Mallia, ħabbar li Ernest Agius ġie nominat bħala Change Management Executive tal-BOV b’effett mill-15 ta’ Ġunju ta’ din is-sena.
Ernest Agius kien jaħdem l-HSBC u l-mara tiegħu hija waħda mill-assistenti taċ-Chief Finance Officer tal-Bank – konferma li dak li kien qiegħed jingħad sa mill-bidu nett li ħarġet din is-sejħa kien effettivement dak li kien qed jiġri.
Skont is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta, Ernest Agius ingħata impjieg b’pakkett finanzjarju li jaqbeż is-€70,000 fis-sena, hekk kif mhux eskluż li dan jingħata karigi aktar importanti fil-futur qrib hekk kif, pass wara pass, ikompli jitwettaq il-pjan ta’ Cassar White biex kull deċiżjoni li tittieħed fil-Bank ikollha l-barka tiegħu u tal-Partit Laburista.
//= $special ?>

