Internazzjonali

Mietet id-Dust Lady ta’ 9/11

Fl-Istati Uniti tħabbret il-mewt ta’ Marcy Borders, li kellha 42 sena, imlaqqma ‘Dust Lady’. Borders kienet tnaqqxet f’moħħ in-nies wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru fl-Istati Uniti bir-ritratt tagħha miksija bit-trab.
Dan wara li ħarbet minn wieħed mit-Twin Towers wara li ntlaqat mill-ajruplani maħtufa. Hi kienet ilha biss xahar taħdem mal-Bank of America fil-81 sular tal-World Trade Center u ħarbet minkejja li l-manager tagħha kien ordnalha tibqa’ ġewwa.
Hekk kif kienet ħierġa mill-bini, it-tieni ajruplan daħal fil-bini u kien f’dak il-ħin li nksiet bi trab griż.
Hi mietet b’kanċer fl-istonku. Hi dejjem kienet issostni li l-kanċer qabadha minħabba t-trabijiet ta’ dik il-ġurnata storika. Fil-ġranet ta’ wara, din l-omm ta’ żewġt itfal spiċċat inħakmet minn depressjoni u bdiet tixrob u tieħu d-drogi filwaqt li akkumulat ħafna dejn. Imbagħad, minħabba l-problemi li kellha, is-servizzi soċjali ħadulha lit-tfal. Hi kienet iffissat li kien se jkun hemm aktar attakki simili u kull darba li kienet tara ajruplan għaddej kienet tibża’.