Lokali

Misruq ammont konsiderevoli ta’ deheb minn ġojjellerija fir-Rabat Għawdex

Il-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat Għawdex qed jinvestigaw serqa ta’ ammont konsiderevoli ta’ deheb minn ġojjellerija fir-Rabat stess. Il-każ seħħ bejn l-9.40am u l-10.30am fi Triq il-Palma.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li qed ikun allegat li xi persuni daħlu fil-ħanut u l-impjegata refgħet xi ġojjelli li kellha f’idejha wara li ntalbet turi xi ġojjelli oħrajn mill-vetrina.

Ingħad li l-impjegata kompliet taqdi lill-klijenti l-oħra meta aktar tard indunat li l-ġojjelli li refgħet aktar qabel kienu sparixxew.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Joanne Vella Cuschieri, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew ukoll mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali.