Ambjent Lokali

Propost il-bini ta’ Moskea fiż-Żonqor

Hekk kif il-maġġoranza assoluta tal-istudenti li se jattendu l-Universita’ tal-Ġordaniżi mistennija jkunu ta’ twemmin Musulman, qed ikunu propost li f’Marsaskala (qrib il-binja fiż-Żonqor) tinbena Moskea biex taqdi l-ħtiġijiet ta’ dawn l-istudenti barranin.

Skont ir-Rapport tal-Impatt Soċjali (SIA) li sar fuq il-proġett mifrux f’Żonqor u Bormla joħroġ ċar li hemm bżonn programm ta’ għarfien biex ir-residenti ta’ Marsaskala jaddattaw ruħhom għall-multi-kulturaliżmu.

Artiklu fil-Malta Independent tal-lum juri kif ir-rapport miktub minn Joe Gerada u Dr Marvin Formosa qed jissuġġerixxi li l-istudenti għandhom bżonn Moskea għat-talb tagħhom.

Hu mistenni li l-Universita’ tal-Ġordaniżi se tilqa’ fiha mal-4,000 student.

L-SIA dwar dan il-proġett tkellem ma’ numru ta’ residenti minn Wied il-Għajn, għaqdiet jew organizzazjonijiet lokali kif ukoll persuni li għandhom negozju. Punt li joħroġ minn dan ir-rapport huwa t-tħassib li Marsaskala tista’ tinbidel f’Paceville ieħor kawża tal-influss qawwi ta’ studenti barranin.

L-SIA jirrimarka wkoll li ċertu konklużjonijiet tar-rapport jistgħu ikunu influwenzati politikament minħabba li din il-kwistjoni kienet ilha suġġetta għal battibekk politiku, u għalhekk uħud minn dawk li wieġbu ma riedux jiġu interpretati li qed jappoġġjaw lill-Oppożizzjoni.