Għaxar sidien ta’ jottijiet, irmiġġjati fil-Marina ta’ Ta’ Xbiex fetħu Protest Ġudizzjarju kontra Transport Malta wara deċiżjoni li l-Awtorità ħadet biex tneħħilhom l-irmiġġ minkejja kuntratt iffirmat fis-snin li għaddew.
L-għaxar sidien qed isostnu li aktar minn 20 sena ilu, huma kienu ngħataw id-dritt li jirmiġġaw fil-Marina ta’ Ta’ Xbiex b’mod permanenti. Madankollu, minkejja li dawn kienu jħallsu l-ammonti dovuti kollha u fil-ħin, Transport Malta ddeċidiet li tbiddel il-kuntratt mas-sidien.
Fil-fatt, huma qed isostnu li ma jaqblux mal-ittra li rċievew mingħand Transport Malta, li, skont is-sidien, tinkudi kuntratt ġdid inkella t-theddida li jiġu żgumbrati. Kawża ta’ dan, is-sidien fetħu kawża kostituzzjonali, li ntrebħet mis-sidien. Appell li kien sar mill-Avukat Ġenerali wassal biex is-sidien jitilfu l-kawża tagħhom.
Sadanittant, l-għaxar sidien fetħu kawża fil-Qorti Ewropea u għalhekk, permezz tal-Protest Ġudizzjarju ffirmat mill-Avukati David Camilleri u Joseph Gatt, issa qed jitolbu lill-Awtorità biex ma jsir l-ebda żgumbrar qabel ma tingħata din is-sentenza.
Is-sidien qed jgħidu li fejn s’issa hemm il-jottijiet tagħhom, il-post sar wieħed perikoluż għal kulmin jgħaddi. Dan kawża ta’ traskuraġni mill-awtoritajiet konċernati u anke nuqqas ta’ sorveljanza. Qalu li minħabba dan kollu, huma sfaw vittma ta’ diversi serqiet.
Filwaqt li appellaw ukoll għal manutenzjoni immedjata, is-sidien qed jgħidu li l-awtoritajiet mhumiex iwettqu l-obbligi tagħhom skont il-Liġi, minkejja diġà nħarġet ittra uffiċjali li wkoll baqgħet mingħajr risposta.
//= $special ?>
