Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) esprimew it-tħassib tagħhom li numru sostanzjali ta’ studenti Għawdxin li qed jistudjaw fl-Università mhux isibu akkomodazzjoni fiż-żona qrib il-Kampus. Fi stqarrija, il-GUG elenkaw diversi problemi li qed isibu l-istudenti Għawdxin biex jikru xi appartament fiż-żona.
Fost oħrajn, il-GUG qal li t-talba għal akkomodazzjoni fl-Imsida żdiedet u s-sidien qed jitolbu kirja ogħla. Kawża ta’ dan, qed tonqos il-possibbiltà li l-istudenti Għawdxin isibu appartamenti, ħlief li jħallsu kirja ogħla milli kienu jħallsu qabel.
Il-GUG innota li ta’ kull sena, il-kirja tal-apprtamenti qed togħla u meta wieħed jikkunsidra l-għoli tal-ħajja, l-istudenti Għawdxin qed isibuha aktar diffiċli biex ilaħħqu mal-prezzijiet. Għaldaqstant, il-benefiċċji li l-istudenti Għawdxin qed jingħataw mhux ikun biżżejjed biex ipattu għaż-żidiet fl-ispejjeż.
Il-GUG appella li jsir pjan strateġiku għal akkomodazzjoni bi prezzijiet aktar xierqa fl-Imsida għax jekk dan il-pass ma jsirx, se tkun diffiċli għall-istudenti Għawdxin biex jistudjaw fl-Università ta’ Malta.
//= $special ?>