Internazzjonali

Tkompli l-inċertezza minħabba l-ekonomija Ċiniża

Is-swieq finanzjarji madwar id-dinja komplew isibuha diffiċli li jirpiljaw minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra tal-ekonomija Ċiniża.
Dan minkejja li hemm tama li l-agħar issa għadda imma fl-istess ħin l-analisti qalu li l-Gvern Ċiniż mhux qed jagħmel biżżejjed biex jistabbilizza l-ekonomija minkejja l-pass li ħa l-Bank Ċentrali Ċiniż biex inaqqas ir-rati tal-interess. Il-Bank żied ukoll l-ammont ta’ flus allokati għas-self billi naqqas ir-riservi li huma mitluba jżommu l-banek.
Tul din il-kriżi kollha minħabba l-ekonomija Ċiniża, il-munita ewro spiċċat tat kenn lill-investituri.
It-Tnejn li għadda tqieset bħala l-agħar ġurnata għall-ekonomija Ċiniża hekk kif hu stmat li l-qligħ kollu tas-swieq tas-sena ntilef.
Dan wara li qed jippersistu l-indikazzjonijiet li l-ekonomija Ċiniża bdiet tbatti. Dan l-iżvilupp qed ikollu wkoll effett fuq il-prezz taż-żejt peress li t-talba miċ-Ċina, it-tieni l-aktar pajjiż fid-dinja li juża żejt, battiet, u fis-suq hawn provvista tajba ħafna, u għalhekk ebda skoss għall-industrija.
Barra minn hekk, kien hemm effett negattiv f’diversi ekonomiji Afrikani fejn f’dawn l-aħħar snin kien sar investiment kbir Ċiniż. It-talba taċ-Ċina għal żejt mill-Angola, ram miż-Żambja u deheb mill-Afrika t’Isfel kienet wasslet għal żvilupp kbir fl-ekonomija ta’ dawn il-pajjiżi, imma fl-istess waqt, id-dependenza kbira fuq investiment Ċiniż ħalliet lil dawn il-pajjiżi esposti għal kull ċaqliq fiċ-Ċina.