Atletika Sport

Van Niekerk jaħsad liċ-Champion fl-400m

Wayde van Niekerk ġera l-aktar 400m veloċi sa mill-2007 biex sar l-ewwel atleta mill-Afrika t’Isfel li rebaħ titlu fl-isprint waqt il-Kampjonati tad-Dinja tal-atletika f’Beijing.

L-atleta ta’ 23 sena ħareġ b’saħħtu mill-bidu u rreżista għall-isfida taċ-champion renjanti l-Amerikan La Shawn Merritt fid-dritta finali, biex rebaħ f’ħin ta’ 43.48 sek.

Merritt li rreġistra l-aħjar ħin personali ta’ 43.65 sek seta’ biss jikkuntenta bil-fidda waqt li ċ-Champion Olimpiku Kirani James ta’ Grenada temm it-tielet fl-aħjar ġirja tiegħu din is-sena u ħa l-bronż.

Il-Kubana Yarisley Silva rebħet il-midalja tad-deheb fil-pole vault tan-nisa b’qabża ta’ 4.90 metri biex aċċertat mill-ewwel titlu mondjali tagħha.

Il-Kubana kelha qabża straordinarja wara sfida kbira mill-Brażiljana Fabiana Murer li kellha tikkuntenta bil-fidda wara li qabżet 4.85m li hu rekord għall-Amerika t’Isfel. Il-Griega Nikoleta Kyriakopoulou, fidda fl-Olimpjadi ta’ Londra, ħadet il-bronż b’4.80 metri.

L-atleta mir-Repubblika Ċeka Zuzana Hejnova saret l-ewwel mara li ddefendiet b’suċċess it-titlu fl-400m hurdles wara 14-il edizzjoni tal-Kampjonati tad-dinja.

Hejnova pproduċiet wirja dominanti u rebħet b’vantaġġ ta’ żewġ metri fuq l-Amerikana ta’ 20 sena Shamier Little, fl-aħjar ħin tas-sena ta’ 53.50 sek.

Il-midalja tal-bronż intrebħet mill-Amerikana l-oħra Cassandra Tate.
Li Steeplehcase ta’ 3,000m tan-nisa kellha tmiem mill-aktar eċċitanti u sabiħ bi tliet atleti kollha biċ-ċans għall-midalja tad-deheb. Imma finalment kienet il-Kenjana Hyvin Jepkemoi li kellha s-saħħa u l-veloċità li tinqata’ mill-kumplament fl-aħħar metri u tirbaħ f’9 minuti 19.11 sek.

It-Tuneżina Habibas Ghribi ħadet il-fidda u l-Ġermaniża Gesa Felicias Krause, il-bronż.

Fil-javeline tal-irġiel, il-Kenjan Julius Yego rebaħ id-deheb wara tefgħa eċċezzjonali ta’ 92.72 metri li barra li hi rekord tal-Commonwealth hi t-tielet l-itwal tefgħa fl-istorja.

Kienet l-ewwel midalja tad-deheb mirbuħa minn atleta Kenjan mhux fit-track u waslet minn dak magħrufa bħala ‘YoutTube Man’ laqam li ħa wara li għamel użu mill-websajt biex jitgħallem kif iwaddab il-jevelin.

Mo Farah fil-finali
Intant il-Brittanniku Mo Farah kien għoddu ġie mbuttat barra fl-aħħar liwja tal-heat tal-5,000m imma kkwalifika għall-finali tas-Sibt.

Farah li rebaħ is-sitt titlu mondjali fi tmiem il-ġimgħa meta rebaħ l-10,000m irkupra biex spiċċa t-tieni wara li ċ-Champion renjanti ta’ 32 sena ntlaqat mill-Kanadiz Mohammed Ahmed imma fortunatament żamm fuq saqajh. Qablu daħal l-Etijopjan Yomif Kejelcha li għandu l-aħjar ħin tad-distanza din is-sena.

Finali oħra nteressanti għal-lum se tkun dik tal-200m fejn il-favoriti Usain Bolt u Justin Gatlin telgħu fis-sitt u r-raba’ korsija rispettivament.

Żewġ Kenjani bid-doping
Żewġ atleti Kenjani ġew sospiżi wara li nstabu pożittivi għad-doping waqt dawn il-kampjonati.

Koki Manunga li għandu 21 sena u Joyce Zakary ta’ 29 aċċettaw sospensjoni proviżorja wara li nstabu pożittivi waqt eżami għallarrieda.

Iż-żewġ atleti tal-400m kienu ttestjati fil-kamra tal-lukanda tagħhom fl-20 u l-21 ta’ Awwissu.

Zakary waqqfet rekord nazzjonali fit-tielet heat tal-400m t-Tnejn ta’ 50.71 sek. imma ma ħaditx sehem fis-semifinali t-Tlieta.

Manunga ma ħax sehem f’dan l-event fiċ-Ċina.