Lokali

AĠĠORNATA: żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara inċident fuq il-baħar

Żagħżugħ ta’ 29 sena minn Tas-Sliema jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li lbierah filgħaxija kien involut f’inċident fuq il-baħar f’San Ġiljan. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6pm, madwar 500 metru ‘l barra mill-Bajja ta’ San Ġorġ.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija, jirriżulta li ż-żagħżugħ kien fuq dgħajsa flimkien ma’ żewġ żgħażgħ oħra, ibaħħru lejn l-Imsida, meta f’ħin minnhom żviluppaw xi ħsarat lid-dgħajsa. Konsegwenza ta’ dan, id-dgħajsa żiedet fil-veloċità, biż-żagħżugħ jieħu tisbita qawwija.

Minnufih, marret fil-post lanċa tal-Forzi Armati ta’ Malta, li assistiet lit-tliet żgħażagħ u rmunkat id-għajsa lejn Xatt it-Tiben. Hemm kien hemm jistennihom tim mediku b’Ambulanza, li ħadu liż-żagħżugħ ferut lejn l-Isptar Mater Dei.

Iż-żagħżugħ kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu, filwaqt li ż-żgħażagħ l-oħra, ta’ 23 sena minn Tas-Sliema u ta’ 22 sena mill-Iklin, ma sofrew l-ebda feriti.

Dan is-sit hu nfurmat li ż-żagħżugħ għadu rikoverat fl-ITU wara li kiser il-kustilji, filwaqt li f’intervent mediku tneħħietlu l-milsa.

Il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan qed jinvestigaw il-każ.