Lokali

Arti astratta f’forma ta’ fjamma biex jitfakkar Mintoff quddiem Kastilja

Sa ftit ilu, il-mafkar f’ġieh l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Soċjalista Dom Mintoff fi Pjazza Kastilja kellu jkun statwa (ritratt), simili għall-istatwi tal-eks Prim Ministri Ġorġ Borg Olivier u Pawlu Boffa, li jinsabu qrib il-Pjazza.

Iżda hekk kif il-Ħadd li għadda, il-gazzetta The Sunday Times of Malta żvelat li l-pjani għal din l-istatwa twaqqfu u minflok, ġie kkummissjonat mafkar li se jieħu l-forma ta’ arti astratta. Issa, il-ġurnal The Times of Malta żvela li l-proġett ingħata b’direct order lill-Perit Valerio Schembri, li hu wkoll ċeramista. Il-ġurnal żvela wkoll li l-iskultura tant hi massiċċa li l-prezz tal-bronż waħdu spara għal aktar minn nofs miljun ewro.

Oriġinarjament, l-istatwa ta’ Mintoff kienet fdata f’idejn l-iskultur Alfred Camilleri Cauchi wara li kien rebaħ kompetizzjoni f’Diċembru 2013. Madankollu, għal xi raġuni, dan id-disinn twaqqaf u l-Gvern assenja l-mafkar lil ħaddieħor mingħajr l-ebda forma ta’ proċess kompetittiv.

Sorsi qalu li l-monument il-ġdid hu forma ta’ arti astratta li se tixbaħ il-forma ta’ fjamma. Il-mafkar mistenni jkun għoli 5 metri u qed joħloq diversi inkonvenjenzi lill-Gvern, tant li mhux se jlaħħaq jinawgura l-monument sa Novembru li ġej waqt is-Summit tal-Mexxejja tal-pajjiżi tal-Commonwealth.

S’issa għadu ħadd ma ta raġuni għaliex saret din il-bidla, li ħasdet lill-Familja ta’ Mintoff u anke qajjmet ferment fost il-komunità artistika f’Malta. Fil-fatt, l-iskultur Noel Galea Bason, li kien rebaħ il-kompetizzjoni biex jaħdem il-monument ta’ Mintoff f’Bormla, ikkummissjonat mill-Partit Laburista, ikkummenta ma’ The Times li dan il-proċess hu mimli taħwid u prattiċi li jqajjmu tħassib.

Fil-jiem li għaddew, Yana Mintoff, bint l-eks Prim Ministru Soċjalista, stqarret li kienet sorpriża bid-deċiżjoni li titneħħa l-istatwa ta’ Camilleri Cauchi, li kienet rebħet il-kompetizzjoni u li kienet approvata wkoll mill-Familja Mintoff.

Fl-istess waqt, tentattivi biex jingħataw kummenti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru irriżultaw fin-negattiv.