Fi spazju ta’ ftit jiem il-Ġamajkan Usain Bolt reġa’ għeleb lir-rivali Amerikan Justin Gatlin, din id-darba fil-finali tal-200m biex iddefenda t-titlu mondjali li kien rebaħ sentejn ilu f’Moska fir-Russja. Wara li nhar il-Ħadd rebaħ il-100m ilbieraħ Bolt għeleb lil Gatlin f’ħin ta’ 19.55’ filwaqt li Gatlin daħal it-tieni f’ħin ta’ 19.74’. Anaso Jobodwana tal-Afrika t’Isfel daħal fit-tielet post biex rebaħ il-midalja tal-bronż.
Sa mill-ewwel fażi tat-tellieqa Bolt deher f’forma mill-aqwa u kompla jżid fil-ġiri tiegħu biex rebaħ b’distakk akbar milli rebaħ it-tellieqa tal-100m. Din ma kinitx sorpriża meta wieħed iqis li Bolt jispeċjalizza aktar fil-200m milli fil-100m.
Anke jekk hu kien stqarr li kien qed iħossu għajjien, għal darba oħra Bolt, fil-mument tal-verità ma ddiżappuntax u rebaħ titlu biex kompla żied mal-kullana ta’ suċċessi fil-karriera tiegħu.
Ta min jinnota li hekk kif Bolt kien qed isellem lill-partitarji cameraman baqà dieħel fih bi żball u waqqgħu mal-art.
Gatlin kien ilu ma jitlef f’dawn l-aħħar 28 tellieqa imma fi spazju ta’ ħamest ijiem kellu jċedi għall-qawwa ta’ Bolt li issa b’kollox rebaħ 10 midalji tad-deheb waqt il-kampjonati mondjali.
Wara dawn is-suċċessi f’Beijing issa Bolt jibda jiffoka fuq sena oħra fejn se jipprova jiddefendi t-titli Olimpiċi tal-100m u tal-200m meta se jikkompeti fl-Olimpjadi ta’ Rio li se jsiru fil-Brażil.
Suċċess Amerikan
L-Amerikan Christian Taylor kellu wirja mill-aqwa fit-Triple Jump hekk kif għamel qabża ta’ 18.21m biex rebaħ it-tieni titlu dinji fil-karriera tiegħu. Kien biss fl-aħħar tliet rawnds li t-taqtigħa żvillupat f’waħda kbira u kien l-Amerikan Taylor li għamel it-tieni l-aħjar qabża fl-istorja biex spiċċa l-ewwel u temm quddiem Pedro Pichardo ta’ Cuba li għamel qabża ta’ 17.73m u Nelson Evora tal-Portugall li għamel qabża ta’ 17.52m. Ir-rekord dinji fit-Triple Jump kien twaqqaf minn Jonathan Edwards fl-1995.
Atleta oħra Amerikana li kisbet suċċess kienet Allyson Felix li rebħet il-finali tal-400m.
Għal Felix din kienet l-ewwel darba li rebħet it-titlu dinji f’din il-kategorija wara suċċessi li kienet kisbet fil-200m, 4x100m u l-4x400m. Felix rebħet f’ħin ta’ 49.26’ biex spiċċat quddiem Shaunae Miller tal-Bahamas u quddiem il-Ġamajkana Shericka Jackson.
Fi klassi għaliha
Il-Pollakka Anita Wlodarczyk kellha bżonn biss żewġ tentattivi biex tagħmel tefa’ ta’ tliet metri aktar minn kull mara oħra matul din is-sena. Hekk kif fit-tieni rawnd tal-Hammer Throw Wlodarczyk għamlet tefa’ ta’ 78.52m l-isfida għall-midalja tad-deheb kienet diġa’ intemmet u l-kumplament tal-avversarji tagħha kienu qed jissieltu għall-midalja tal-fidda. Madankollu Wlodarczyk ma kinitx kuntenta u fit-tielet rawnd kompliet tibni fuq dan u għamlet tefa’ ta’ 80.85m biex spiċċat quddiem iċ-Ċiniża Zhang Wenxiu. L-aħar tefa’ ta’ din tal-aħħar kienet dik ta’ 76.33m filwaqt li l-midalja tal-bronż rebħitha l-Franċiża Alexandra Tavernier b’tefa’ ta’ 74.02m.
Ir-rebħa li kibset Wlodarczyk ma kinitx sorpriża meta wieħed iqis il-wirjiet li kellha dan l-aħħar. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar Wlodarczyk kienet kisret ir-rekord dinji tagħha stess meta għamlet tefa’ ta’ 81.08m u saret l-ewwel mara fid-dinja li rreġistrat tefa’ ta’ aktar minn 80m.
//= $special ?>