Huwa ċar li l-paniku kbir li ilu jeżisti fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei għal dawn l-aħħar xhur, fl-aħħar 48 siegħa sab ruħu anke fil-kurituri tal-Ministeru tas-Saħħa fil-Belt Valletta.
Stqarr dan il-Partit Nazzjonalista, li fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieh ġie mfakkar kif Chris Fearne, f’paniku kbir, għażel ġurnalisti tal-għażla tiegħu biex iwieġeb għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni ta’ 48 siegħa ilu.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ 48 siegħa ilu, l-Oppożizzjoni kkwotat rapport intern dwar l-Isptar Mater Dei, li l-Gvern għażel li jaħbi għal raġunijiet li jaf hu. Minn dan ir-rapport, joħroġ ċar li l-Gvern falla fit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei u li Joseph Muscat mhux veru kellu roadmap.
Huwa l-istess Aġent CEO tal-Isptar Mater Dei li f’kummenti ma’ The Times of Malta, qal li dik li jinsab fiha l-Isptar Mater Dei bħalissa hija l-agħar kriżi li qatt eżistiet fis-sajf. Xi ħaġa li ġiet ikkonfermata mill-unions f’dan is-settur.
Il-Partit Nazzjonalist kompla li mir-rapport li Chris Fearne żamm moħbi fil-kexxun, joħroġ ċar li l-Gvern falla wkoll fis-settur tal-anzjani, u dan peress li f’sitt xhur, 451 anzjan u anzjana baqgħu jistennew taħt dan il-Gvern. Il-falliment ta’ dan il-Gvern fit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei tiġi kkonfermata wkoll mill-fatt li aktar minn nofs il-pazjenti li jkollhom appuntament fl-Outpatients, ma jmorrux.
Flok jinfexx f’attakk dirett fuq l-Oppożizzjoni, Chris Fearne messu jifhem il-pazjenti tal-Isptar Mater Dei, kif ukoll il-qraba tagħhom, li qed isofru minn tbatija minħabba l-falliment tal-Gvern tiegħu fit-tmexxija tal-istess sptar, appella l-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħarnett il-Partit Nazzjonalista qal li huwa tal-mistħija kif fil-paniku li jinsab fih, Chris Fearne, flok indirizza konferenza tal-aħbarijiet jew ħareġ stqarrija biex jindirizza lill-media kollha, jagħżel hu lill-ġurnalisti li jrid ikellem, u jeskludi oħrajn. Konferma ta’ kemm mhux biss ir-roadmap fis-saħħa kienet farsa, iżda anke l-wegħda ta’ Malta Tagħna Lkoll.
//= $special ?>

