Lokali

€183,417 miġbura mill-maratona ‘Oħloq Tbissima’

Is-somma finali miġbura mill-edizzjoni ta’ din is-sena tal-maratona ‘Oħloq Tbissima’, b’risq il-missjonijiet tal-MSSP, f’Malta u barra, kienet ta’ €183,417.65.

Dan tħabbar minn Fr Louis Mallia MSSP, Direttur ta’ ĊAM Productions International (CPI) u ċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja (ĊAM).

Fr Louis, flimkien mal-organizzaturi tal-maratona, fi stqarrija rringrazzja lill-voluntieri kollha taċ-ĊAM u ĊPI li bix-xogħol impenjattiv u d-dedikazzjoni tagħhom, għal darb’oħra rnexxielhom jagħmlu minn din il-maratona esperjenza fantastika ta’ altruwiżmu.

Ringrazzjament speċjali wkoll mill-organizzaturi jmur lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ikkontribwew għal din il-kawża. Grazzi speċjali wkoll lill-istazzjonijiet televiżivi lokali, l-online media, il-gazzetti u lill-isponsors, preżentaturi, kantanti, żeffiena u oħrajn li taw sehemhom biex inġabret somma daqshekk sabiħa.

Fr Louis qal li s-somma miġbura se tgħin qassisin tal-MSSP biex ikomplu għaddejjin bil-ħidma missjunarja tagħhom f’Dar San Ġużepp, Santa Venera, kif ukoll f’diversi parroċċi fejn jagħtu s-servizz tagħhom fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini.

Kemm bil-flus miġbura kif ukoll bid-dedikazzjoni u l-ħidma tal-missjunarji tal-MSSP, numru kbir ta’ persuni jkunu provduti kemm bl-aktar affarijiet materjali meħtieġa kif ukoll bid-dinjità u l-imħabba li jixirqilhom.