Lokali

FILMAT: Fekruna tal-baħar tinħeles mill-ġdid fil-baħar

Letiz, il-fekruna tal-baħar li erba’ snin ilu nħelset mill-mewt wara li belgħet basket tal-plastik, inħelset mill-ġdid wara li qattgħet dan iż-żmien f’riabilitazzjoni mill-membri tan-Nature Trust.

Il-fekruna, li l-basktijiet tal-plastik jidhru qishom bram u allura tajbin għall-ikel, sofriet ġrieħi serji għaliex il-basket imblukkalha d-diġestjoni tagħha. Dan wassal biex il-fekruna ddgħajfet u sofriet pnewmonja li wasslet biex il-pulmun tagħha ċeda.

Konsegwenza t’hekk, il-fekruna ma setgħetx iżżomm b’mod stabbli f’pożizzjoni orizzontali u filfatt qattgħet ħin twil mir-riabilitazzjoni tagħha fuq ġenb, mingħajr ma setgħet tgħum.

Għal xi żmien kien maħsub li l-fekruna se tmut, madankollu l-esperjenza u l-perseveranza tal-veterinarju Anthony Gruppetta, mgħejun mit-tim tan-Nature Trust, wasslu biex il-fekruna setgħet tirkupra.

Filwaqt li l-pnewmonja tfejqet, kien hemm bżonn li l-fekruna tiġi mgħejuna biex jissaħħu l-muskoli ta’ naħa minnha biex tkun tista’ tgħum u togħdos b’mod naturali – xi ħaġa li rnexxiet wara xhur twal ta’ stennija u tama.

Image2

Image13