Ekonomija Lokali

Il-prezz taż-żejt taħt il-$50 kull barmil u l-konsumaturi qed jistennew li l-prezzijiet jirriflettu r-roħs – l-Editorjal ta’ The Times

Il-prezz internazzjonali taż-żejt bħalissa hu ferm taħt il-$50 kull barmil u l-konsumaturi qed jistennew ġustament li dawn il-prezzijiet baxxi jkunu riflessi fil-prezzijiet li jħallsu fil-pompa għall-petrol u d-diesel.

Dwar dan ikkumenta l-Editorjal ta’ The Times of Malta, li qal li x-Shadow Minister għall-Enerġija Marthese Portelli qed tirrifletti l-opinjoni ta’ ħafna, li qed isostnu li l-konsumaturi mhux qed jibbenefikaw mill-prezz baxx taż-żejt fi prezz orħos mill-pompa tal-petrol.

Fi stqarrija, Marthese Portelli rrimarkat li meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien $123 kull barmil, il-petrol u d-diesel kienu €1.38 u €1.31 kull litru rispettivament. Issa, bil-prezz internazzjonali taż-żejt hu kwazi terz ta’ dak iż-żmien, il-petrol qed jinbigħ €1.35 kull litru, filwaqt li d-diesel qed jinbigħ €1.26 kull litru.

L-Editorjal ikompli li lil hinn mill-punti politiċi miż-żewġ naħat, il-Gvern għandu jkun aktar trasparenti u jinforma lill-pubbliku x’inhi s-sitwazzjoni reali tal-ftehim tal-hedging li daħal għalih il-Gvern, kif ukoll kif il-Gvern qed jiffinanzja r-roħs fit-tariffi tal-enerġija.

Times of Malta fakkret ukoll fl-istorja meta, fil-bidu ta’ din is-sena, sid ta’ pompa tal-petrol fir-Rabat naqqas il-prezzijiet u kien imwaqqaf wara ftit sigħat. L-Editorjal sejjaħ ukoll biex l-Awtorità għall-Konsumatur u l-Kompetizzjoni tinforma lill-pubbliku f’liema stadju wasal l-istħarriġ tagħha fil-każ.