Lokali

Impjegati tal-BetuniQ jinġabru barra l-bini tal-MGA

Madwar 20 persuna, bejn Maltin u Taljani li kienu jaħdmu mal-kumpanija BetuniQ, inġabru quddiem l-Uffiċċji tal-Awtorità Maltija tal-Logħob (MGA) wara li ilhom żmien twil jistennew li jitħallsu. F’ħafna mill-każi, il-ħaddiema, li fil-maġġoranza tagħhom huma żgħażagħ, għandhom jieħdu paga ta’ xahrejn.

Il-pagi baqgħu ma ħarġux wara li l-kumpanija tal-gaming BetuniQ ġiet sekwestrata fl-Italja, bil-konsegwenza li f’Malta għalqu wkoll sitt azjendi tal-kumpanija rreġistrata f’pajjiżna.

Dan wara li l-investigazzjoni tal-Pulizija fl-Italja sabet li Mario Gennaro, il-persuna li waqqaf din il-kumpanija, allegatament ħadem għall-grupp tal-mafja Ndrangheta u mexxa sistema ta’ logħob online illegali permazz tal-BetuniQ. Dan bl-iskop ta’ evażjoni tat-taxxa u riċiklaġġ tal-flus akkwistati minn operazzjonijiet illegali.

Jirriżulta li l-Ndrangheta kienet qed tuża’, fost l-oħrajn, lil Malta biex twettaq ħasil ta’ flus. Fid-dawl ta’ dan, l-MGA ssospendiet il-liċenzja tal-kumpanija u ġew miżmuma l-assi tagħha, inkluż il-flus li minnhom kellhom joħorġu l-pagi tal-ħaddiema.

Wieħed mill-eks ħaddiema tal-BetuniQ, li nġabru quddiem l-MGA fl-Imrieħel, spjega ma’ Radio 101 li jinsabu fl-għamad dwar il-flus dovuti lilhom. Kien għalhekk li l-Avukati ta’ wħud mill-ħaddiema talbu laqgħa mal-Uffiċjali tal-MGA.