Lokali

Irtirajt għax xbajt – il-Maġistrat Carol Peralta lil The Malta Independent dwar ir-riżenja tiegħu

“Irtirajt ghax xbajt”. Kien dan il-kumment li l-Maġistrat Carol Peralta ta lill-ġurnal The Malta Independent wara li lbieraħ ippreżenta l-ittra tar-riżenja tiegħu lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

L-irtirar seħħ ukoll meta għadha għaddejja l-investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar il-festin tal-Milied, li kien organizza l-Maġistrat Peralta fil-Qorti. Il-festin wassal ukoll għall-arrest ta’ ġurnalist li kixef l-istorja.

Iżda ma’ The Malta Independent, Peralta qal li jinsab sodisfatt bis-sejbiet tal-investigazzjoni u qed jittama li dawn ikunu ppubblikati kemm jista’ jkun malajr. Mitlub biex jikkummenta dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, Peralta għażel li ma jikkummentax. Madanakollu, il-ġurnal The Times of Malta qal li issa li Peralta rtira, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja twaqqa’ awtomatikament l-investigazzjoni tagħha dwar dan il-każ.

Sadanittant, minkejja li fl-ittra tiegħu Peralta ddikkjara b’mod ċar li huwa kien qed jirtira, fi stqarrija li ħareġ ilbieraħ filgħaxija stess, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici sejjaħ din id-deċiżjoni bħala “riżenja”. Fl-ittra tiegħu, il-Maġistrat Peralta ma jsemmix riżenji, iżda jinforma lill-President li ddeċieda li jirtira, kif għandu l-jedd li jagħmel. Kompla li għamel dan wara riflessjoni, kif ukoll li d-deċiżjoni ħadha wara dawk li ddeskriva bħala “numru ta’ diżappunti u diżillużjonijiet” fuq livell nazzjonali.

Fl-ittra tiegħu, Peralta qal li jħares lura b’sodisfazzjon lejn id-diversi ħatriet tiegħu fl-ogħla postijiet ġuridiċi li okkupa. L-irtirar ta’ Peralta, li għandu 63 sena, seħħ sentejn biss qabel ma kien jilħaq l-età massima tal-irtirar għall-membri tal-Ġudikatura (65 sena). Hu kien l-aktar membru anzjan tal-Ġudikatura b’24 sena esperjenza.