Uffiċjali Pollakki qed jgħidu li nstabet ferrovija mill-era tan-Nażisti li jingħad li jista’ jkun fiha deheb u teżori ekwivalenti għal biljuni ta’ ewro. Min-naħa l-oħra, esperti qed jgħidu li l-ferrovija tista’ tkun qed iġġorr xi tagħmir militari biss.
It-tfittxija għall-ferrovija saħħret lil kulħadd mindu l-ġimgħa l-oħra, żewġt irġiel – Pollakk u Ġermaniż – ippreżentaw ruħhom u qalu li kienu sabu ferrovija b’teżor qrib il-belt ta’ Walbrzych, fil-Polonja. Iż-żewġt irġiel qed jinsistu li jingħataw premju biex jiżvelaw il-lokalità preċiża tal-ferrovija u huma lesti li joħorġu din l-informazzjoni għal għaxra fil-mija tal-valur tal-kunsinna li hemm fil-ferrovija.
It-tfittxija ħadet żvolta ġdida, sigħat ilu, meta l-Uffiċċju ta’ Sindku reġjonali żvela li kienet instabet ferrovija ta’ natura militari.
Dan kien irrappurtat mid-‘Daily Telegraph’, iżda kelliema għall-uffiċċju legali tal-kunsill ta’ Walbrzych qed isostnu li jista’ jkun li l-ferrovija ma fiha xejn ta’ valur partikolari.
Il-kumment, f’dan il-każ, kien li l-ferrovija kellha skop militari u li m’hemm l-ebda diskors dwar deheb, meta qed jittrattaw biss tagħmir militari.
Il-Viċi Sindku ta’ Walbrzych, Zygmunt Nowaczyk, qal li l-iskoperta saret fid-distrett tal-belt u li l-avukati taż-żewġt irġiel ma ppreżentaw l-ebda prova tal-allegata skoperta.
Jaħsbu li sabu ferrovija bid-deheb tan-Nażisti
