Instabu bejn 20 u 50 katavru ta’ immigranti fi trakk ftit ‘il hinn triq prinċipali fl-Istat ta’ Burgenland, fl-Awstrija.
Fi żvilupp ieħor, vapur tal-gwardjani tal-kosta Żvediżi, bl-isem ‘Poseidon’, kien qed iwassal il-mijiet tal-immigranti lejn Palermo, fl-Italja. Dawn l-immigranti kienu ttellgħu minn dgħajsa u dinghy li nstabu barra l-kosta tal-Libja u fosthom kien hemm madwar 50 immigrant mejta li nstabu fl-istiva tad-dgħajsa.
Il-‘Poseidon’ kien fiz-zona bħala parti mill-missjoni tas-salvataġġ magħrufa bħala Triton li qed tmexxi l-aġenzija Frontex (tal-UE) għall-ħarsien tal-fruntieri.
Intant, l-awtoritajiet fl-Awstrija li tkellmu dwar is-sejba tal-immigranti fit-trakk irreferew għal ‘traġedja li affettwathom ħafna’. Dan waqt li l-Ministru Awstrijak għall-Intern, Johanna Mikl-Leitner, fissret it-traffikanti tal-bnedmin bħala kriminali.
Mhux ċar kif mietu l-immigranti li nstabu fl-Awstrija, inkella kemm kienu ilhom miżmuma fit-trakk.
Jinstabu għexieren ta’ immigranti mejtin fl-Awstrija
