Il-finalsti telliefa ta’ staġun ilu, Juventus ittellgħu fi grupp li wieħed jista’ jddeskrivih bħala l-aktar wieħed diffiċli, grupp kompost minn Manchester City, Sevilla u Borussia Monchengladbach. Ironikament, fl-istess jum li ttellgħu l-poloz Sevilla kienu ħabbru li akkwistaw b’xejn lill-attakkant ta’ Juventus Llorente u dan malajr se jkun qed jerġa’ jilgħab f’Turin.
Wieħed irid jara jekk Juventus hux se jħossu n-nuqqas ta’ plejers bħal ma huma Pirlo, Tevez u Vidal li ħallew lill-klabb. Wara li rebħu darbtejn l-Europa League, Seville jittamaw li issa javanzaw f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża.
Manchester City diġa’ urew f’dawn l-aħħar ġimgħat li dan l-istaġun jinsabu f’forma mill-aqwa. Borussia Monchengladbach ma tantx kellhom bidu tajjeb dan l-istaġun u s’issa ma rebħu l-ebda partita fil-Bundesliga.
Il-holders Barcelona ttellgħu fi grupp flimkien ma’ Roma, Bayer Leverkusen u BATE Borisov.
Dan ifisser li l-kowċ ta’ Barcelona Luis Enrique se jkun qed jirritorna l-belt kapitali tal-Italja wara li għamel sena jmexxi lil Roma fl-istaġun 2011-12. Wieħed jista’ jgħid li Barcelona jibdew bħala favoriti li jirbħu dan il-grupp li ma tantx hu daqstant diffiċli.
Il-manager ta’ Chelsea Jose Mourinho se jkun qed jrritorna l-Portugall hekk kif il-Blues ittellgħu fl-istess grupp ta’ Porto, it-tim li miegħu, Mourinho rebaħ għall-ewwel darba din il-kompetizzjoni. Fuq il-karta Chelsea ma tantx għandhom isibuha diffiċli biex jikkwalifikaw minn dan il-grupp għax minbarra Porto, huma jridu jilagħbu kontra Dynamo Kiev u Maccabi Tal-Aviv. Dawn tal-aħħar xahar ilu kienu eliminaw liċ-champions Maltin Hibernians fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni.
Ritorn ieħor se jkun dak tal-attakkant ta’ PSG Zlatan Ibrahimovic hekk kif dan se jilgħab kontra Malmo tal-Iżvezja, it-tim li miegħu beda l-karriera tiegħu. PSG jridu jilagħbu wkoll kontra Real Madrid, li issa huma taħt it-tmexxija ta’ Rafa Benitez u kontra Shakhtar Donetsk, tim li jinsab f’din il-fażi wara li għadda mill-play-offs.
Manchester United ma tantx ġew fi grupp diffiċli hekk kif dawn iridu jilagħbu kontra PSV, Wolfsburg u CSKA Moscow. Jekk Wolfsburg juru l-istess logħob li urew staġun ilu fil-Bundesliga dawn bla dubju mistennija jissieltu mar-Red Devils għall-ewwel post f’dan il-grupp. Minkejja li m’humiex tim ta’ klassi mondjali m’huwiex sigriet il-fatt li konfront kontra CSKA Moscow fir-Russja dejjem hu wieħed delikat.
Ta’ min jiftakar li l-manager ta’ Man Utd Louis Van Gaal jaf sew lil PSV għax dam snin imexxi lir-rivali tagħhom Ajax. Barra minn hekk, l-akkwist il-ġdid ta’ Man Utd Depay se jkun qed jilgħab kontra t-tim li għadu kemm ħalla dan is-sajf.
Grupp Ċ hua magħmul minn Astana, Benfica, Atletico Madrid u Galatasaray. Iċ-champions Torok u Atletico mistennija jkunu ż-żewġ timijiet li jissieltu għall-ewwel post f’dan il-grupp.
Ta min jinnota li l-ewwel żewġ partiti ta’ Astana, it-tim mill-Kazakhstan li qed jiddebutta f’din il-kompetizzjoni se jintlagħbu fis-6pm filwaqt li għall-ewwel darba fl-istorja, t-tielet partita se tintlagħab fl-4pm.
Arsenal se jkollhom biċċa xogħol iebsa biex jgħaddu hekk kif ittellgħu fi Grupp F flimkien maċ-champions Ġermaniżi Bayern Munich, ma’ Olympiakos u ma’ Dynamo Zagreb. F’dawn l-aħħar snin Bayern Munich eliminaw mux darba lil Arsenal miċ-Champions League. Barra minn hekk, hu fatt li partita kontra Olympiakos fil-Greċja dejjem tkun waħda diffiċli għal kull tim.
Grupp li ma tantx hu ta’ interess hu Grupp Ħ. Valencia, li għaddew għal din il-fażi wara li eliminaw lil Monaco fil-play-offs jilagħbu kontra Zenit, Lyon u Gent.
Messi ivvutat l-aqwa plejer
L-attakant ta’ Barcelona Lionel Messi rebaħ l-ogħla unur tas-serata, dak tal-Aqwa Plejer tal-UEFA għall-istaġun 2014-15. Messi mhux biss għen lil Barcelona jirbħu ċ-Champions League imma anke it-tazza domestika u l-La Liga. Biex rebaħ dan l-unur,l-attakkant Arġentin għeleb l-isfida ta’ sieħbu Luis Suarez u tar-rivali winger ta’ Real Madrid, Cristiano Ronaldo.
L-unur tal-aqwa gowl intrebaħ ukoll minn Messi għat-tieni gowl tiegħu fl-ewwel leg tas-semi finali kontra Bayern, partita li l-Katalani rebħu 3-0.
L-unur tal-aqwa save rebħu l-gowlkiper ta’ Barcelona Ter Stegen għas-save doppju li għamel fuq l-attakkant ta’ Bayern Munich Lewandowski fit-tieni leg tas-semi finali. Dakinhar Bayern kienu rebħu 3-2 imma xorta ġew eliminati wara li kienu tilfu l-ewwel leg 3-0.
Il-polza
Grupp A: PSG, R.Madrid, S.Donetsk, Malmo
Grupp B: PSV, Man Utd, CSKA Moscow, Wolfsburg
Grupp Ċ: Benfica, A.Madrid, Galatasaray, Astana
Grupp D: Juventus, Man City, Sevilla, B.Monchengladbach
Grupp E: Barcelona, B.Leverkusen, Roma, BATE Borisov
Grupp F: B.Munich, Arsenal, Olympiakos, D.Zagreb
Grupp Ġ: Chelsea, Porto, D.Kiev, M.Tel-Aviv
Grupp Ħ: Zenit SP, Valencia, Lyon, Gent


