Minkejja li għaddew 24 siegħa minn meta l-Partit Nazzjonalista talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iserraħ moħħ il-poplu Malti u Għawdxi dwar l-iskandlu tal-Visas, Muscat għadu ma lissen l-ebda kelma dwar dan l-iskandlu.
Fi stqarrija li ħarġet 24 siegħa ilu, il-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Prim Ministru għadu ma serraħx moħħ il-poplu Malti dwar jekk ittieħdux passi biex ikunu rtirati il-Visas u l-Permessi ta’ Residenza li allegatament ingħataw b’mod illegali. Il-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll jekk ittieħdux xi passi biex ikunu identifikati l-persuni li allegatament jinsabu f’pajjiżna b’mod illegali.
Iżda minkejja li l-Partit Nazzjonalista talab lill-Prim Ministru jserraħ moħħ il-poplu Malti u Għawdxi dwar dan l-iskandlu, 24 siegħa wara, Muscat għadu b’fommu magħluq.
Sadanittant, fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal The Malta Independent irrapporta li l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut, li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan l-iskandlu akkużat bi frodi, ħasil tal-flus u miżappropjazzjoni ta’ flus, għadu ma ġiex sospiż mill-Bord tal-Accountancy, li hu responsabbli mill-Warrants li jingħataw lill-Accountants.
Kelliem għal dan il-Bord qal lill-ġurnal li l-Bord qed jistenna s-sentenza finali tal-Qorti qabel ma jissospendi lil Sammut. Fil-bidu, The Malta Independent għamel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li qal lill-ġurnalist biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Bord tal-Accountancy.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istitut Malti tal-Accountants Franco Azzopardi qal li, minkejja li dan l-Istitut mhuwiex involut fl-għoti tal-Warrants, il-każ ta’ Joe Sammut se jkun diskuss fil-laqgħat tal-Kumitat fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>

