L-uffiċjali tad-detenzjoni jinsabu mħassba li fil-ġimgħat li ġejjin se jintbagħtu lura fiċ-ċentri tad-detenzjoni, jiċċassaw lejn xulxin u ma jagħmlu xejn għaliex fid-detenzjoni m’hemm l-ebda immigranti.
B’kollox f’pajjina hawn erba shifts ta’ uffiċjali tad-detenzjoni, b’kull shift fih bejn 25 u 30 uffiċjal li jitħallsu mill-Gvern u li wara li fiċ-ċentru tad-detenzjoni ma kienx fadal iktar persuni miżmuma, dawn intbagħtu jaħdmu fiċ-ċentri miftuħa.
Imma issa jidher li fil-ġimgħat li ġejjin tista’ toħroġ sejħa biex kumpanija tas-sigurta’ tieħu f’idejha x-xogħol fiċ-ċentri miftuħa. Dan ifisser li l-uffiċjali tad-detenzjoni ma jkunux iżjed bżonnjużi fiċ-ċentri miftuħa u li allura jintbagħtu lura fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, jgħassu post vojt.
Jidher li din il-mossa se ssir biex tinqeda waħda minn żewġ kumpaniji favoriti li jieħdu dan ix-xogħol, żewġ kumpaniji privati ewlenin fil-qasam tas-sigurta’ f’pajjiżna.
Inċidentalment, iż-żewġ kumpaniji li mistennija joffru li jagħmlu dan ix-xogħol għandhom rabtiet mal-Partit Laburista.
Intant l-uffiċjali tad-detenzjoni għadhom qed jistennew li sseħħ il-wegħda li saritilhom, jiġifieri li ma jibqgħux iktar b’uniformi waħda.
Dan għaliex dawn l-uffiċjali qed iqattgħu dawn il-jiem ta’ sħana tremenda tas-Sajf bl-uniformi tax-Xitwa, għaliex dik biss għandhom.
//= $special ?>

