Jibdew il-provi liberi għall-Grand Prix tar-Renju Unit f’Silverstone u wieħed se jkun qed jistenna sfida oħra bejn il-koppja tal-Yamaha Jorge Lorenzo u Valentino Rossi li t-tnejn li huma bħalissa jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika ġenerali bl-istess ammont ta’punti.
Teknikament Lorenzo hu l-lider minħabba li rebaħ ħamest itlielaq filwaqt li Rossi rebaħ tlieta. Ġimagħtejn ilu Lorenzo laħaq lil Rossi fil-quċċata tal-klassifika grazzi għar-rebħa li kiseb waqt il-GP tar-Repubblika Ċeka f’Brno. It-Taljan temm fit-tielet post f’dik it-tellieqa filwaqt li ċ-champion renjanti Marc Marquez tal-Honda daħal it-tieni.
Bir-rebħa li kiseb f’Brno Lorenzo laħaq lil Casey Stoner f’dawk li huma rebħiet totali fil-MotoGP hekk kif it-tnejn li huma rebħu 38 tellieqa kull wieħed. Jekk nhar il-Ħadd Lorenzo jerġa’ jirbaħ f’Silverstone jilħaq lil Phil Read fit-tieni post tal-aktar sewwieqa li qatt rebħu għall-Yamaha. L-aktar sewwieq li rebaħ mal-Yamaha hu Rossi b’total ta’ 52 suċċess.
Jidher li dan l-istaġun l-isfida għar-rebħ tat-titlu se tkun bejn Lorenzo u Rossi li għandhom vantaġġ ta’ 52 punt fuq Marquez li qiegħed it-tielet.
Iċ-ċirkwit ta’ Silverstone hu wieħed fejn Lorenzo ġeneralment jikseb riżultati tajbin. Hu rebaħ fl-2010, fl-2012 u fl-2013 u sena ilu spiċċa biss 0.7’ ta’ sekonda wara r-rebbieħ Marquez. Fit-tielet post kien daħal Rossi. L-aħħar darba li Rossi rebaħ fir-Renju Unit kien fl-2005 meta dakinhar il-GP kien isir fiċ-ċirkwit ta’ Donington.
//= $special ?>

