Żewġ persuni oħra llum tressqu l-Qorti b’rabta ma’ serqa kbira ta’ sigaretti mill-Freeport.
Malcolm Zammit, Burdnar ta’ 35 sena minn Ħal Qormi, u Christopher Calleja, Uffiċjal tas-Sigurtà fil-Freeport u li għandu 51 sena mill-Belt, wieġbu mhux ħatja ta’ serqa ta’ aktar minn 10 miljun sigarett, kif ukoll li ffrodaw lill-Gvern b’aktar minn żewġ miljun ewro f’sisa.
Fuq l-istess akkużi, il-Ħadd li għadda tressqu Sebastian Zammit minn Ħal Safi, li hu Uffiċjal tad-Dwana, u Roderick Borg minn Ħal Qormi, li hu impjegat tal-Freeport. Il-każ seħħ fl-24 ta’ Lulju li għadda, meta kontejner inħareġ mill-Freeport u tpoġġa lura f’postu siegħa u nofs wara mingħajr is-sigaretti.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Rennie Stivala u Carlos Cordina mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi, oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li hemm diversi persuni li għad iridu jixhdu u li huma kollegi tal-akkużati.
L-Avukat Joe Giglio deher għal Malcolm Zammit, filwaqt li l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, Veronique Dalli u Dean Hili qed jidhru għal Christopher Calleja.
//= $special ?>

