Lokali

Il-ftehim mal-Ġordaniżi jippermetti bini ta’ 7 sulari fiż-Żonqor

Skont dak li ħabbar il-Prim Ministru Muscat il-ġimgħa li għaddiet, l-iżviluppaturi Ġordaniżi se jkollhom permess jibnu seba’ sulari fuq art ODZ fiż-Żonqor. Il-konferma toħroġ minn dak li qal Muscat innifsu quddiem il-ġurnalisti preżenti f’kastilja meta spjega fit-tul id-dettalji ta’ da nil-proġett minn Sadeen Group.

Meta il-Prim Ministru qal li l-bini mhux se jkun għoli aktar minn 25 metru, fi kliem qasir kien qed jgħid illi l-bini se jkollu massimu ta’ 7 sulari. Diversi periti li tkellmu magħna spjegaw illi bħala medja kull sular ikun għoli bejn wieħed u ieħor 3.2 metru. Kalkolu sempliċi iwasslek għall-konklużjoni li l-Universita’ fiż-Żonqor se jkollha għoli ta’ 7 sulari max-xatt ta’ Marsaskala.

Din hija kuntradizzjoni oħra li toħroġ minn dak li qal Muscat il-ġimgħa li għaddiet. Għaliex filwaqt li qal illi l-livell tal-bini mit-triq mhux se jaqbeż 4 sulari, l-għoli ta’ 25 metru jirrifletti 7 sulari u mhux 4.

Wara erba’ xhur sħaħ ta’ stennija, inċertizza, pressjoni mill-PN, mill-għaqdiet, minn individwi u ambjentalisti, u wara l-akbar protesta ambjentali fl-istorja tal-pajjiż, il-Gvern fl-20 t’Awwissu li għadda ħareġ b’dan is-suppost kompromess għall-famuża Universita’ Amerikana, liema proposta xorta se tinkludi żvilupp fuq art ODZ.