Kunsilli Lokali Lokali

Il-Mellieħa tirbaħ unur ieħor turistiku fuq livell Ewropew – Best European Hidden Gems 2015

Matul il-ġimgħat li għaddew, 10,988 turist li żaru l-Mellieħa ivvutaw biex il-Mellieħa rebħet l-unur ta’ Best European Hidden Gems 2015. Dan l-unur hu mogħti mill-organizzazzjoni European Best Destinations, li hi bbażata fi Brussell u li flimkien ma’ uffiċċji turistiċi ewlenin fl-Ewropa tippromwovi destinazzjonijiet Ewropej.

B’kollox kien hemm 85 destinazzjoni Ewropea li kienu qed jikkompetu għal dan l-unur. Minnhom intgħażlu 13-il destinazzjoni bħala rebbieħa, fosthom il-Mellieħa. Dan l-unur ifisser li d-diversi elementi li wieħed isib fil-Mellieħa, fosthom l-ambjent naturali, il-baħar, il-kultura u l-gastronomija qed jagħmlu mill-Mellieħa ġojjell fil-qafas turistiku Ewropew.

Grazzi għal dan l-unur, il-lokalità Melliħija se tkun qed tgawdi minn promozzjoni fost aktar minn tliet miljun persuna li jirċievu l-informazzjoni turistika mingħand il-European Best Destinations, kif ukoll l-eluf ta’ persuni li jsegwu s-siti soċjali ta’ din l-organizzazzjoni.

Wara diversi laqgħat li saru matul ix-xhur li għaddew, bejn il-Bord tal-Amminitraturi tal-EDEN, li l-Mellieħa tifforma parti minnha, u d-diriġenti tal-European Best Destinations, se tkun qed titnieda kampanja promozzjonali li se tkompli żżid il-promozzjoni għall-Mellieħa fuq livell Ewropew.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qal li dan kollu qed ikompli jseddaq ħidmet il-Kunsill Lokali fil-qasam turistiku. Dan l-unur hu ċertifikat ieħor ta’ kif dak kollu li qed iwettaq il-Kunsill Lokali, b’risq il-komunità Melliħija, qed jiġi aprezzat u jħalli l-frott.