Lokali

Il-Ministru George Vella joħroġ mill-Isptar Mater Dei

Illum, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella ntbagħat id-dar mill-Isptar Mater Dei wara li ngħata parir li jistrieħ għal ftit jiem qabel ikompli bil-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Fil-jiem li għaddew, lill-Ministru Vella sarlu intervent kirurġiku tal-bypass f’qalbu.

Waqt żjara uffiċjali li ftit tal-ġimgħat ilu kellu fiċ-Ċina, il-Ministru Vella kellu attakk ħafif tal-qalb, li wassal biex sarlu intervent temporanju fi Sptar f’Beijing. Il-Konsulenti mediċi lokali kienu tawh il-parir li jagħmel operazzjoni tal-bypass ftit ġimghat wara li kien wasal.

Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni ngħad li l-Ministru Vella xtaq jirringrazzja pubblikament lill-Prof Alex Manché, lill-Prof Robert Xuereb, lill-Prof Brendan Caruana Montaldo u lit-timijiet tekniċi rispettivi tagħhom għall-attenzjoni, il-professjonalità u d-dedikazzjoni tagħhom.

Hu rringrazzja pubblikament ukoll lill-istaff tal-wards CICU u CSW, kif ukoll lill-istaff kollu b’mod ġenerali tal-Isptar Mater Dei għall-attenzjoni, il-kura u l-għajnuna kbira li sab mingħandhom.