Lokali

Il-proġett tal-Power Station mibni fuq nuqqas ta’ veritajiet

Il-proġett tal-Powerstation huwa mibni fuq sensiela ta’ fatti skorretti.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario DeMarco elenka numru ta’ fatti skorretti li juru kif dak li kien jghid Muscat qabel l-elezzjoni dwar dan il-proġett ma kienx veritier.

Fil-bidu tal-konferenza ixxandar filmat tal-Prim Ministru Joseph Muscat li fih Muscat jiddikkjara li s-settur privat huwa lest li jidħol għal dan il-proġett u li dan il-proġett se jitlesta fi żmien stipulat. F’filmat separat il-Ministru Edward Scicluna jitkellem dwar kif fiż-żminijiet tal-lum il-gvern għandu jiggarantixxi lis-settur privat u li dawn il-garanzija llum mhux neċessarjament isiru b’mod finanzjarju. Filwaqt li kien qed jirreferi ghas-settur tal-energija, Scicluna qal li hemm setturi li fihom il-privat ma jidħolx – dik li sejjaħ bħala market failure.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li mhux veru li l-Power Station kienet se tinbena fi żmien sentejn. Huwa fakkar li sa sentejn wara l-elezzjoni l-Power Station il-ġdida kienet għadha lanqas biss bdiet tinbena u sal-lum għad ma għandniex data ta’ meta mistenni jkun lest dan il-proġett.

Mario de Marco fakkar ukoll li mhux veru li l-Power Station se tinbena mill-flus tal-privat. Dan fid-dawl tal-fatt li l-maġġoranza assoluta tal-finanzjament tal-Power Station qed tiġi garantita mill-familji Maltin u Għawdxin wara li l-Gvern għamel garanzija statali ta’ €360 miljun. Huwa saħaq li garanziji li ingħataw mill-gvernijiet preċedenti dejjem ingħataw lill-awtoritajiet tal-Gvern u mhux lil kumpaniji mis-settur privat. Tant huwa hekk li l-Minsitru Edward Scicluna meta ħabbar il-garanzija li ingħatat lill-konsorzju tal-Electrogas kien irrefera għaliha bħala ‘mingħajr preċedent’.

Mhux veru li l-impjant tal-BWSC huwa fabbrika tal-kanċer saħaq Mario de Marco. Tant hu hekk li sentejn u nofs wara l-impjant tal-BWSC għadu qed jopera bil-Heavy Fuel Oil. Huwa fakkar li bl-użu tal-interconnector tnaqqas bin-nofs il-konsum tal-Heavy Fuel Oil.

Fatt skorrett ieħor huwa l-fatt li mhux veru li hemm bżonn ta’ Power Station ġdida biex jorħsu l-kontijiet. Dan peress li l-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl minkejja li għadha ma saritx il-Power Station il-ġdida.

Mhux veru li l-Enemalta baqgħet f’idejn il-Gvern. Il-Viċi Kap tal-PN spjega li llum terz tal-Enemalta u l-impjant tal-BWSC kollu kemm hu lil Shangai Electric.

Mario de Marco kkritika n-nuqqas ta’ trasparenza li kien imdawwar biha dan il-proġett bil-Gvern ma jippubblikax il-kuntratti li ffirma mal-Electrogas u x-Shangai Electric. Huwa saħaq li f’kull demokrazija kuntratti bħal dawn ikunu ppubblikati.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Investiment tal-Gvern Ċensu Galea li rrefera għal żewġ wegħdi ta’ Muscat. L-ewwel wegħda tkun dik li saret fit-12 ta’ Ottubru 2013 meta wiegħed li jekk il-Power Station ma tinbeniex f’sentejn huwa jirriżenja. Wegħada oħra hija dik li saret fl-20 ta’ Ottubru 2014 meta Muscat kien iddikkjara li jirriżenja jekk ma jinstabx investitur privat li kien jagħmel il-Power Station waħdu.

Ċensu Galea sostna li mhux talli Muscat ma żammx mal-wegħdi tiegħu iżda talli d-deċiżjonijiet irresponsabbli li qed jieħu llum se jħallu konsegwenzi fit-tul fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Agħar min hekk, saħaq Ċensu Galea, Muscat qed ipoġġi l-interess personali tiegħu qabel l-interess nazzjonali.