Hu mifhum li madwar 200 persuna tilfu ħajjithom wara li żewġ laneċ mimlijin immigranti nqalbu barra l-kosta ta’ Zuwara fil-Libja.
Lanċa minnhom kellha 50 persuna abbord filwaqt li oħra kellha madwar 400 immigrant. Il-forzi tas-sigurtà Libjani matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa rnexxielhom isalvaw madwar 200 persuna, li l-maġġoranza tagħhom ittieħdu lejn ċentru tad-detenzjoni f’Sabratha, fil-Punent ta’ Tripli.
Waħda mil-laneċ instabet inkaljata fuq bajja b’madwar 50 katavru fiha.
Dan hekk kif l-UNHCR ħabbret li n-numru ta’ immigranti li din is-sena qasmu l-Mediterran biex jilħqu l-Ewropa issa kien qabeż it-300,000 persuna. Fl-2014, iċ-ċifra għas-sena kollha kienet ta’ 219,000 persuna.
Sadattant il-Pulizija Ungeriża qalet li kienet arrestat erba’ persuni b’rabta mas-sejba ta’ 71 katavru fi trakk fl-Awstrija. Tlieta minn dawk arrestati huma Bulgari u ieħor hu Afgan.
Il-Pulizija Awstrijaka qalet li fit-trakk kien hemm 59 raġel, tmien nisa u erbat itfal, u l-indikazzjonijiet huma li dawn kienu ilhom mejtin jumejn u li mietu fgati fit-trakk. It-trakk kellu pjanċi Ungeriżi u aktarx kien beda l-vjaġġ l-Erbgħa minn Budapest. Hu maħsub li t-trakk kien ilu ġurnata mitluq f’ġenb ta’ triq bejn Neusiedl u Parndorf qrib il-fruntiera Ungeriża.
Sadattant, fil-Maċedonja reġa’ kien hemm l-inkwiet tul il-fruntiera mal-Greċja hekk kif inġabru mal-1,000 immigrant li riedu jaqsmu l-fruntiera biex jivvjaġġaw lejn l-Ungerija.
Ma jieqfu xejn it-traġedji fost l-immigranti
