Ħadd ma weġġa’ f’nirien qawwija li ħakmu għalqa fil-ġenb tal-Iskola Marija Reġina fi Blata l-Bajda. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.30 ta’ dalgħodu fl-għalqa li tinsab fi Sqaq il-Kubrit.
L-ewwel li ssejħu kienu l-Pulizija wara li xi ġirien innutaw daħna kbira sewda. Uħud minn dawn qalu lil MaltaRightNow.com li beżgħu li n-nirien setgħu oriġinaw mill-Iskola.
Madankollu, dan ma kienx il-każ, bil-Pulizija jikkonfermaw li ma kienx hemm periklu jew xi persuni maqbuda fl-għalqa.
In-nar tant kien qawwi li kellhom jissejħu fil-post membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun.
//= $special ?>

