Hekk kif tidħol fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata f’Raħal Ġdid, u toqgħod tisma’ lin-nies jitkellmu, tisma’ karba waħda: “x’telqa, ħmieġ u abbandun hawn … tal-mistħija”. Kienu dawn l-aktar kliem li laqtuna meta konna qed induru l-akbar Ċimiterju fil-pajjiż, fejn il-maġġoranza tal-Maltin jidfnu l-għeżież tagħhom.
Hekk kif tipprova tidħol mill-kanċell li hemm fuq in-naħa ta’ wara, issib il-kanċell nofsu mbexxaq b’katina, li ma tħallihx jinfetaħ kif suppost. Dan jagħmilha difficili ħafna biex persuna fuq siġġu tar-roti tkun tista’ tidhol fiċ-Ċimiterju. Malli tidħol fiċ-Ċimiterju, issib skip bil-fdalijiet tat-twiebet u materjal ieħor li żgur mhux postu hemm, spjeċalment meta dan jinsab viċin l-oqbra stess.
L-abbandun totali jidher u jinħass ma’ kullimkien, fosthom anke fit-tabelli li suppost jagħtu direzzjoni jew jindikaw iż-żona fejn wieħed ikun u anke fit-tabelli li jappellaw biex tinżamm l-indafa. Iżda għalkemm iċ-Ċimiterju hu post sagru, jidher li l-awtoritajiet responsabbli ma tantx jemmnu dan, bil-ħmieġ u t-telqa kbira li hemm.
Wieħed ma jistax ma jinnutax il-mod goff kif qed jingħata l-konkos fil-passaġġi, tant li wħud minnhom qed iwasslu biex issir ħsara lis-siġar u l-għeruq tagħhom. Hemm min qed jappella lill-Ministeru biex jispjega jekk dan ix-xogħol tal-konkos fil-passaġġi ngħatax b’tender jew jekk ingħatax b’direct order.
F’żoni oħrajn, din id-darba fin-nofs taċ-Ċimiterju, innutajna wkoll funtana li, minkejja li l-pajpijiet juru li kienet tarmi l-ilma, issa tinsab fi stat ta’ abbandun u tħalliet ma taħdimx bi ftit ilma qiegħed fiha. Minbarra l-intejjen, din tiġbor magħha ħafna nemus.
Sadanittant, tispikka wkoll it-telqa li tinsab fiha l-Kappella taċ-Ċimiterju, meqjusa minnha nfisha bħala monument għall-eluf li jżuru dan il-post sagru. Illum il-ġurnata, din il-Kappella tinsab fi stat tal-biki, bi twieqi mkissrin u skultura li qed taqa’. Mad-dawra tal-Kappella, il-qsari li qabel kellhom il-fjuri issa huma vojta bi fjuri niexfa, tant li issa m’hemm xejn li jsebbaħ madwar il-Kappella.
Il-Ministeru tas-Saħħa, li hu politikalment responsabbli miċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, għandu jintervjeni minnufih biex jara li jinbeda t-tindif li hemm bżonn li jsir ta’ kuljum, filwaqt li jinbeda wkoll ir-restawr li hemm bżonn biex l-arkitettura imprezzabbli li hemm tiġi salvata qabel ma jkun tard wisq.