Internazzjonali

Twissija dwar żieda fil-livell tal-baħar

Esperti tan-NASA wissew li d-dinja riesqa lejn żieda ta’ kważi metru fil-livell tal-baħar u wissew li hu tard wisq biex dan ikun evitat.
Il-livell tal-baħar żdied bi ftit aktar minn seba’ ċentimetri mill-1992 minħabba temperaturi aktar sħan u t-tniġġis tal-klima, imma żieda ta’ madwar metru kienet tfisser diżastru għal miljuni ta’ nies madwar id-dinja.
Skont in-NASA, aktar minn terz tal-popolazzjoni dinjija – kważi 2.4 biljun persuna – jgħixu sa 100 kilometru ’l ġewwa mill-kosta, u bliet bħal Dhaka, il-kapitali tal-Bangladesh, fejn jgħixu 14-il miljun persuna, aktarx se jaraw ix-xmajjar iżidu fil-livell b’konsegwenza ta’ għargħar kbar tul l-20 sena li ġejjin. Din is-sitwazzjoni mistennija twassal biex partijiet kbar tal-belt jispiċċaw mgħarrqa.
New Orleans, li qed tfakkar l-għaxar anniversarju mid-diżastru li kkawża l-Uragan Katrina, ukoll tista’ tkun mhedda.
L-Intergovernmental Panel on Climate Change tan-Nazzjonijiet Uniti, sentejn ilu bassar li l-livell tal-baħar jista’ jiżdied b’madwar metru sas-sena 2100 . Iżda xjenzjati tan-NASA jemmnu li l-effetti jistgħu jibdew jinħassu qabel u l-Artiku jista’ jispiċċa bla silġ matul is-sajf fi żmien 15-il sena, b’effetti diżastrużi għan-nies u l-annimali tar-reġjun.
Dan jirriżulta minn informazzjoni miġbura mis-satelliti tan-NASA meta wieħed jara fost l-oħrajn ir-rata li biha qed idub is-silġ fl-Artiku u l-Antartika.