Il-ħaddiema tal-kumpanija tal-farmaċewtika Actavis jinsabu mħassbin hekk kif sar magħruf li l-kumpanija se tkun qed tgħaddi f’idejn sidien ġodda.
Il-ġurnal Times of Malta fil-ħarġa tal-lum irrapporta li s’issa għad m’hemmx dettalji dwar jekk dan it-tibdil fit-tmexxija tal-Actavis hux se jkun qed ifisser tnaqqis fil-ħaddiema tal-impjant tal-Actavis f’Malta.
The Times ħadet il-kummenti tal-Viċi President tal-Actavis għall-Operazzjonijiet tal-Manifattura fil-Punent tal-Ewropa Sergio Vella li qal li dettalji dwar it-tibdil fit-tmexxija tal-Actavis aktarx jinħadmu fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, meta jintlaħaq il-ftehim.
Il-ftehim se jara lill-kumpanija Israeljana ‘Teva Pharmaceutical Industries’ li se tixtri lill-kumpanija Actavis għas-somma ta’ €36 biljuni.
Dan hu t-tieni tibdil fit-tmexxija tal-Actavis wara li erba’ xhur ilu, il-ħaddiema tal-Actavis – anke’ dawk f’Malta – spiċċaw f’inċertezza dwar il-post tax-xogħol tagħhom wara li l-Actavis kienet ingħaqdet ma’ Allergan.
Issa, ‘Teva Pharmaceutical’ tinsab fi preparamenti biex tixtri lill-Actavis u Allergan għal €36 biljuni, b’mistoqsijiet iqumu dwar il-futur tal-post tax-xogħol tal-impjegati tal-impjant tal-Actavis f’Malta.
Fl-2013, 58 ħaddiem li jaħdmu fil-fergħa tar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-kumpanija Actavis f’Malta kienu qed jirriskjaw li jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom u l-kumpanija ddikjarat li ma tistax tagħti garanzija lill-impjegati kollha lihuma f’riskju.
Dan kien ikkonfermat mill-kumpanija waqt żjara li dakinhar il-Ministru tal-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi Żgħar Chris Cardona kien għamel fil-kumpanija Actavis Malta fl-impjant tagħha f’Bulebel, fejn iltaqa’ mal-management biex jitkomplew id-diskussjonijiet fuq kemm minn dawn il-ħaddiema se jiġu ssensjati jew jiġu assorbiti f’operati oħra tal-Actavis stess jew kumpaniji oħra.
//= $special ?>

