Internazzjonali

Ajruplani tat-Turkija jattakkaw lill-ISIS fis-Sirja

It-Turkija wettqet l-ewwel attakki mill-ajru kontra l-militanti tal-ISIS fis-Sirja, bħala parti mill-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti.

Il-Ministeru Tork għall-Affarijiet Barranin f’Ankara qal li l-ajruplani tal-gwerra tiegħu ikkonċentraw fuq ‘l-interessi tal-ISIS’ fl-ibnadi Sirjani, man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Dan wara li t-Turkija, fl-aħħar ġimgħat, irrankat l-azzjonijiet kontra l-ISIS, fejn, fost oħrajn, ippermettiet biex l-ajruplani tal-gwerra Amerikani jingħataw aċċess għal bażi tal-ajru (Torka) importanti viċin il-fruntiera mas-Sirja.

Il-qawwiet Amerikani, kmieni dan ix-xahar, bdew iwettqu l-missjonijiet militari kontra l-ISIS, fejn spikkaw l-attakki bid-drones fuq dawn il-militanti li tmexxew mill-bażi tal-ajru ta’ Incirlik.

Il-Gvern tat-Turkija, issa, ħareġ stqarrija fejn fisser il-ġlieda kontra l-ISIS bħala priorità fuq livell nazzjonali.