Lokali Qorti

Akkużi serji fil-konfront tal-ARMS

Negliġenza grassa u konfuzjoni mill-ARMS, il-kumpanija li tieħu ħsieb il-ġbir tal-pagamenti tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-Gvern.

Hi din l-akkuża li qed issir kontra l-ARMS Limited minn Jason Vella, ta’ 36 sena mill-Mellieħa, li fetaħ protest ġudizzjarju jilmenta mill-mod kif qed timxi miegħu din il-kumpanija.

Mill-protest ġudizzjarju joħroġ li Vella kellu l-provista tal-elettriku mnwaqqfa wara li rċieva l-aħħar notifika mill-ARMS għal pagamenti dovuti. Madankollu jirriżulta li fil-każ ta’ Vella għaddejjin proċeduri arbitrali.

Vella spjega li f’Diċembru li għadda ffirma ftehim mal-ARMS biex iħallas il-bilanċ dovut lill-kumpanija. Imma fl-istess ġurnata li ġie ffirmat dan il-ftehim, id-dipartiment legali tal-istess kumpanija fetaħ proċeduri kontrih biex iħallas is-somma ta’ madwar €2,000.

Filwaqt li l-istess proċeduri arbitrali kienu għadom pendenti, Vella spiċċa bla provvista dawl … imma minbarra Vella spiċċaw isofru wkoll il-ġirien kollha tal-istess blokka fejn jgħix.

Dan għaliex l-ARMS, minbarra li qatgħet il-provvista tal-elettriku għal Vella, qatgħet ukoll id-dawl għall-parti tal-komun ta’ fejn jgħix Vella. Dan wassal biex il-ġirien tiegħu spiċċaw bla lift.

L-għada, wara numru ta’ lmenti, l-ARMS indunaw bl-iżball u Vella reġa’ ngħata l-provvista tal-elettriku. Madankollu fil-protest ġudizzjarju Vella qed isostni li issa reġa’ jinsab affaċċjat b’ċirkostanzi simili wara li rċieva notifika finali oħra minkejja proċeduri arbitrali li għadom għaddejjin u ftehim bejn iż-żewġ partijiet li jidher li qed jiġi njorat.

Kien għalhekk li fetaħ dawn il-proċeduri fejn qed jakkuża lill-ARMS b’negliġenza grassa fil-ħidma tagħha.

Fil-protest ġudizzjarju Jason Vella, li hu rappreżentat mill-avukati David Camilleri u Joseph Gatt, hu jistieden lill-ARMS biex issolvi l-konfużjoni li ħakmet lid-dipartimenti fi ħdanha.

Qed isostni li kawża ta’ dan it-taħwid fl-ARMS, u fid-dawl tan-notifika finali ġdida li rċieva, hu qed jirriskja li jispiċċa bla dawl mill-ġdid minkejja l-ftehim eżistenti. Is-sitwazzjoni hi nkwetanti wkoll fil-fatt li l-proċeduri arbitrali mistennija jkomplu lejn l-aħħar ta’ Settembru, kważi xahar ieħor.