Ministri u l-uffiċjali Ewropej iltaqgħu f’Pariġi, il-kapitali Franċiża, biex jiddiskutu s-sejħiet għal sigurtà akbar fl-istazzjonijiet tal-ferrovija. Il-laqgħa saret wara l-intervent f’waqtu, jiem ilu, ta’ passiġġieri li rnexxielhom jevitaw massakru fuq ferrovija li kienet qed tivvjaġġa mill-Olanda għal Pariġi.
Fl-inċident tal-ġimgħa l-oħra, il-passiġġieri fuq il-ferrovija rażżnu raġel Marokkin li kien armat sa snienu u li kien identifikat bħala Ayoub El-Khazzani. Il-prosekuturi fi Franza, intant, ressqu akkużi speċifiċi fil-konfront ta’ dan il-Marokkin ta’ 25 sena li kien tela’ fuq il-ferrovija minn Brussell, fil-Belġju.
L-awtoritajiet fi Franza huma favur li jiġu implimentati miżuri tas-sigurtà aktar stretti għan-network tal-ferroviji. Dan fost il-mistoqsijiet persistenti dwar kif xi ħadd seta’ jitla’ fuq ferrovija fi Brussell waqt li kien qed iġorr fuqu azzarin, pistola, ammont ġmielu ta’ munizzjon u kwantità ta’ petrol.
Attendew għal-laqgħa f’Pariġi Ministri minn Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Iżvizzera.
Fost l-ideat li ssemmew waqt it-taħditiet kien hemm li jiddaħħlu l-metal detectors fuq xi ferroviji involuti fl-iskedi internazzjonali bħalma jeżistu fl-ajruporti. Tressaq ukoll suġġeriment għal aktar staff tas-sigurtà armati fl-istazzjonijiet u biex jiżdied l-iskambju tal-informazzjoni bl-iskop li l-pajjiżi li jilqgħu l-passiġġieri jkunu jafu meta persuna suspettata tkun qed tavviċina t-territorju tagħhom.
//= $special ?>