Għall-ewwel darba f’4 snin, faqqsu numru ta’ spanjuletti fGħawdex. Filmati tal-Birdlife Malta juru l-ewwel mumenti li 3 spanjuletti, jew bl-Ingliż ‘Common Kestrels’, faqqsu f’Għawdex lejn l-aħħar ta’ Lulju.
Birdlife Malta qalet li l-bejta nstabet minn Għawdxi li kien intebaħ bil-preżenza tal-għasafar itiru fl-inħawi. Hu nforma lill-Birdlife Malta li aktar tard ikkonfermaw li l-ispanjuletti tabilħaqq kienu f’Għawdex biex ibejtu.
Il-post fejn kienet il-bejta nżamm sigriet u taħt għassa mir-resident li oriġinarjament induna bil-preżenza tal-ispanjuletti bl-għan li dawn ikunu protetti.
Aktar tard faqqsu tliet spanjuletti, bil-ġenituri tagħhom iwaslulhom l-ikel sakemm it-tlett spanjuletti ċkejkna setgħu itiru mill-bejta. Filfatt, skont il-Bidlife, it-tlett spanjuletti taru mill-bejta fit-2 t’Awissu.
Fi stqarrija, il-Manager għall-Konservazzjoni tal-Birdlife Nicholas Barbara qal li l-attentati tal-ispanjuletti biex ibejjtu f’Malta fl-aħħar snin juru li hemm tama għal dan l-għasfur li jerġa’ jistabilixxi ruħu fil-gżejjer Maltin jekk ma jkunx fil-mira tal-kaċċa illegali.
L-ispanjuletti huma għasafar tal-priża karatterizzati minn ġwienaħ kbar u denb twil u jintgħarfu l-aktar meta jkunu qed itiru biex ifittxu l-ikel.
Skont Birdlife Malta kien hemm żmien meta l-ispanjuletti kienu aktar komuni fil-gżejjer Maltin, madanakollu in-numru tagħhom naqas minħabba attivitajiet bħal kaċċa illegali. Wara nuqqas ta’ 15-il sena, żewġ spanjuletti waslu Malta fl-2009 u fl-2011 biex ibejtu.
Dwar dan l-aktar każ riċenti ta’ spanjuletti jbejtu f’Malta, Birdlife qalet li biex ma tpoġġix l-għasafar fil-periklu, iddeċidiet li tippublika l-filmat u d-dettalji wara li l-ispanjuletti telqu mill-bejta.
//= $special ?>
