Il-Pulizija f’Bangkok arrestat raġel barrani li qed tittama li jista’ jgħinha tifta’ dawl ġdid fuq l-attakk terroristiku li seħħ ftit tal-jiem ilu fil-qalba fit-Tajlandja.
L-arrest sar b’konnessjoni mal-bomba li splodiet kważi ġimgħatejn ilu fis-Santwarju ta’ Erawan f’Bangkok fejn kienu mietu mal-20 persuna. L-isplużjoni anki feriet ‘il fuq minn 100 persuna; fil-parti kbira turisti.
Il-pulizija, fl-aħħar sigħat, daħlu f’appartament ta’ Nong Jok, fil-limiti ta’ Bangkok, li jingħad kien qed juża r-raġel suspettat u fejn sabu materjal ideali għall-manifattura ta’ splussivi; fosthom xi detonaturi. L-awtoritajiet anki kkonfermaw is-sejba ta’ għaxar passaporti fl-istess appartament.
Is-suspettat, bl-isem ta’ Adem Karadag u li għandu 28 sena, mifhum li kellu sehem fit-terroriżmu tas-17 ta’ Awwissu fis-santwarju, iżda l-awtoritajiet ma jaħsbux li hu l-aggressur ewlieni fil-każ.
Il-Pulizija Tajlandiża ilha l-aħħar jiem tfittex raġel li nqabad fuq il-kameras tas-sigurtà waqt li kien qed iħalli basket warajh fis-santwarju ta’ Erawan, minuti biss qabel l-isplużjoni. L-awtoritajiet Tajlandiżi, intant, qalu li ‘għadu mhux ċar’ jekk ir-raġel arrestat hux l-istess wieħed li deher fir-ritratti tas-CCTV . Huma lanqas ma żvelaw ċar u tond jekk ir-raġel hux ta’ nazzjonalità Torka, skont kif irrappurtaw xi sezzjonijiet tal-istampa.
Wara l-attakk fis-santwarju, il-Pulizija Tajlandiża esprimiet suspetti li l-azzjoni terroristika x’aktarx li kienet ippjanata xi xahar qabel u x’aktarx kienet tinvolvi almenu għaxar persuni. Madankollu, l-awtoritajiet f’Bangkok eskludew konnessjoni mat-terroriżmu internazzjonali.
//= $special ?>