Tliet ġurnalisti man-network Al-Jazeera li nstabu ħatja, fl-Eġittu, dwar ‘iċ-ċirkolazzjoni tal-aħbarijiet foloz’ ingħataw sentenzi ta’ tliet snin ħabs kull wieħed. Dan wara li l-ġurnalisti kienu suġġetti għal proċess tal-qorti ġdida fil-Kajr, il-kapitali Eġizzjana.
Tnejn mill-ġurnalisti, Mohamed Fahmy u Baher Mohamed, ittieħdu mill-qorti wara l-verdett waqt li l-ġurnalist l-ieħor, Peter Greste, li din is-sena kien iddeportat lura lejn l-Awstralja ( art twelidu), kien ipproċessat fl-assenza tiegħu. Fahmy hu Kanadiż-Eġizzjan waqt li Mohamed hu ċittadin tal-Eġittu.
It-tliet ġurnalisti huma akkużati li għenu u appoġġjaw lill-Fratellanza Musulmana li hi entità pprojbita fl-Eġittu – b’dawn l-imputati jiċħdu kategorikament għall-akkużi.
Fahmy, Mohamed u Greste kienu sentenzjati, oriġinarjament, f’Lulju tal-2014, bi Greste u Fahmy jeħlu seba’ snin ħabs u b’Mohamed jingħata għaxar snin priġunerija.
Iżda s-sentenzi inkwistjoni kienu ddikjarati invaldi f’Jannar li għadda u t-tliet ġurnalisti kienu nħelsu fix-xahar ta’ wara biex jistennew proċess tal-qorti ieħor. Mifhum ukoll li Mohamed, issa, għandu jiskonta sitt xhur priġunerija addizzjonali minbarra s-sentenza ta’ tliet snin ħabs li weħel.
//= $special ?>