Lokali

Il-GWU twissi li ser ikomplu l-azzjonijiet industrijali fl-ST Microelectronics

L-azzjonijiet industrijali fl-ST Microelectronics ser ikomplu sakemm jintlaħaq ftehim dwar il-paga tal-ħaddiema. Hekk qegħda tkompli ssostni l-General Workers Union wara l-azzjonijiet industrijali li hija ordnat il-Ġimgħa fejn għal sagħtejn filgħodu u sagħtejn filgħaxija il-ħaddiema waqfu mill-ħidma tagħhom.

Il-GWU qegħda tisfida l-għola uffiċjali tal-kumpanija sabiex jiffaċjaw lil union direttament madwar il-mejda tan-negozjati bl-istess GWU tagħmilha ċara li żjara mill-Kap Eżekuttiv ta’ ST Microelectronics f’nofs Settembru jkun tard wisq.

Il-GWU qegħda tinsisti li l-kumpanija għadha qed timplimenta miżuri ta’ awsterita’ meta dawn suppost ġew fi tmiem fl-2012.

F’dan l-istadju il-GWU m’hi qegħda teskludi xejn għajr li sejra tkompli toħroġ id-direttivi lil ħaddiema.

L-ST Microelectronics timpjega 1,600 ħaddiem u hija l-akbar esportatur f’Malta. Is-sena li għaddiet irreġistrat telf ta’ tlieta u għoxrin miljun Ewro, riżultat xokkanti għal kumpanija li fis-sena 2011 kellha profitt ta’ mija ħamsa u erbgħin miljun Ewro. Minn naħa tagħha iżda l-GWU qegħda tinsisti li s-sitwazzjoni mhijiex ħażina daqs kemm tidher u li t-talbiet għal żieda mhumiex ser jagħmlu ħofra fil-bank.